L-Assocjazzjoni għall-Imħallfin u Magistrati ta’ Malta, tinsab ferm imħassba dwar il-fatt li, minħabba l-volum kbir ta’ xogħol li preżentment qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-Ġudikanti, li jinkludi xogħol ta’ natura kumplessa, komplikata kif ukoll delikat ħafna, jeħtieg investiment ferm akbar fin-numri ta’ Ġudikanti minn dak propost, kif ukoll persunal imħarreġ flimkien ma għodda adegwata sabiex issitwazzjoni fil-Qrati titjieb b’mod viżibbli.
L-Imħallfin u l-Maġistrati stqarru dan fid-dawl li l-Gvern ħabbar li ser joħrog sejħa għal erba’ Imħallfin u erba’ Maġistrati ġodda.
L-Assoċjazzjoni fakkret li statistika uffiċjali maħruga mill-Unjoni Ewropea tagħmilha ċara illi, fil-preżent, f’Malta hawn nofs in-numru ta’ Ġudikanti meħtiega għall kull mitt elf ruħ meta pparagunata ma’ pajjiżi oħra fl-Ewropa. Dan minkejja li x-xogħol fil-Qrati qiegħed dejjem jiżdied fil-kwalita u l-kwantita tiegħu. Din il-problema ilha ġejja u, minkejja sforzi li saru, din il-problema bażika qatt ma ġiet riżolta.
Judiciary Malta fakkret kif parti sostanzjali mix-xogħol tal-Ġudikanti ma jsirx fl-Awli u għalhekk ma jidhirx minn għajnejn in-nies. Il-bulk tax-xogħol fil-fatt isir fl-uffiċji talĠudikanti, kif ukoll fid-djar tagħhom, fejn iqattgħu siegħat sħaħ jistudjaw kawżi u jiktbu ssentenzi.
L-Assoċjazzjoni tinsisti illi flimkien ma’ dawn il-ħatriet il-godda proposti, għandu immedjatament jigi assunt persunal suffiċijenti, kemm sabiex jipprovdi għan-nuqqasijiet serji li diġa hemm fil-Qrati. Huma saħqu li mingħajr persunal adegwat, imħarreġ u motivat, il-Ġudikanti ma jistgħu bl-ebda mod jaħdmu b’mod effiċjenti u effettiv. Hu għalhekk illi qed issir sejħa għal pjan ta’ ħidma fit-tul sabiex jiġi assikurat illi l-amministrazzjoni tal-Qorti tkun tista’ tinvesti, tattira u timpjega nies imħarrga u kompetenti sabiex jassistu lill-Ġudikatura u b’hekk titjieb leffiċjenza tal-Qrati.
L-Assoċjazzjoni osservat wkoll li sors ta’ dewmien fil-proċeduri fil-Qorti huwa wkoll dovut għal sistemi ta’ proċeduri antikwati fit-tmexxija ta’ ċerti kawżi. Judiciary Malta qed tħeġġeġ lill-Gvern sabiex jindirizza dawn iddefiċjenzi legali bil-għan illi l-proċeduri fil-Qrati jitħaffew.
L-Assocjazzjoni saħqet illi ċ-ċittadin għandu dritt illi jingħata Ġustizzja f’ħin raġjonevoli, u għalhekk tinsisti illi huwa dover u obbligu tal-Gvern illi, bħalma investa f’varji oqsma ta’ importanza nazzjonali, bħalma huma tas-Saħħa, Servizzi Soċjali u l-Edukazzjoni, jgħaraf li wasal iż-żmien li jinvesti bis-serjeta’ fil-ħtiġijiet finanzjarji tal-Qorti, sabiex jiġu attratti nies tajbin biex jassistu u jgħinu fix-xogħol kbir li hemm. “Huwa inutli illi jiżdiedu n-numru ta’ Ġudikanti fil-Qorti jekk imbgħad ma jingħatawx in-nies u għodda sabiex ikunu jistgħu joperaw b’mod effiċjenti!”
//= $special ?>