Lokali Qorti

Kull min imiss mal-Qorti għandu jitlaqqam għax l-infezzjonijiet qed jiżdiedu

Kull min b’xi mod imiss mal-Qrati tal-Ġustizzja qed jistenna li malajr kemm jista’ jkun jingħata t-tilqima tal-COVID-19 u dan minħabba l-vulnerabbilità tas-sitwazzjoni. Hekk huma tal-fehma ħafna minn dawk li jqattgħu ħin twil fl-awli, fil-kuriduri tal-Qorti, fir-Reġistru, fl-uffiċini u fil-bqija ta’ din il-binja.

Dawn jinkludu wkoll Imħallfin, Maġistrati, Avukati, l-ħaddiema kollha tal-Aġenzija tal-Qorti, kemm dawk direttament u anke dawk li jaħdmu indirettament, bħal esperti u tradutturi li ta spiss ikollhom jagħtu x-xhieda tagħhom fil-Qorti. Kien hemm numru minn dawn li spiċċaw infettati.

Kienu bosta ħaddiema li infettataw ruħhom u oħrajn għadhom infettati bil-COVID-19 u ħafna oħrajn anke spiċċaw fi kwarantina. Dawn jinkludi l-membri tal-ġudikatura, deputati tagħhom u l-bqija tal-ħaddiema, li fost oħrajn jinkludu skrivani, marixalli u messaġġiera.

Ħafna jemmnu li għandu jkun hemm ħinijiet differenti għal kif għandu jopera l-Qorti biex jiġi skansat il-mard, bħal ġurnata iva u ġurnata le. Minħabba din is-sitwazzjoni qegħdin ukoll jiġu kanċellati diversi seduti.

Diversi ġurijiet ġew posposti għal darba darbtejn, u f’xi każijiet tliet darbiet u minkejja li issa wħud minnhom ġew appuntati għal Ġunju li ġej, jekk is-sitwazzjoni ma titjibx, il-probabbilità hija li dawn jerġgħu jiġu differiti.

Minkejja li n-numru ta’ nies li qed jattendu l-Qorti jidher li majna xi ftit, meta jkun hemm is-seduti tad-distrett, in-numru ta’ nies preżenti l-Qorti mhuwiex wieħed żgħir.

Il-ġudikanti kollha fejn huwa possibbli qegħdin jieħdu l-miżuri kollha neċċessarji biex is-sitwazzjoni tibqa’ taħt kontroll, iżda minħabba d-daqs tal-awli u anke l-ammont kbir ta’ xogħol li għandhom, mhux qed jagħmillhom il-ħajja faċli.

Huwa tajjeb li mill-4 ta’ Frar li għadda bdew jitlaqqmu l-frontliners li mhumiex kliniċi li jinkludu l-ħaddiema tal-Forzi Armati, il-Pulizija u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u dan minħabba l-kuntatt li jkollhom mal-pubbliku.

Il-kuntatt fil-Qorti mhuwiex bil-wisq anqas u dawn għandhom jingħataw priorità. Ħafna minn dawk li jattendu l-Qorti mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni preżenti u jinsabu nkwetati. Din il-ġimgħa bħal kull ġimgħa fil-Qorti kien hemm min spiċċa infettat jew fi kwarantina. It-tilqima malajr kemm jista’ jkun tista’ tibda’ sserraħ xi ftit ras il-ħaddiema.