Coronavirus Lokali Saħħa

L-imwiet bil-COVID-19 jitilgħu għal 288

164 każ ġdid - ifiqu 165 persuna

Fl-aħħar sigħat tilfu ħajjtihom żewġ persuni oħra bil-COVID-19 biex it-total ta’ mwiet kawża tal-pandemija issa tela’ għal 288.

Il-fatalitajiet kienu ta’ raġel ta’ 84 sena li miet fl-Isptar Karin Grech u ta’ mara ta’ 82 li mietet fl-Isptar Mater Dei.

Permezz ta’ post fuq Facebook, l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li fl-aħħar 24 siegħa pajjiżna rreġistra 164 każ ġdid filwaqt li fiequ 165.

Meta wieħed jikkunsidra dan kollu, bħalissa f’Malta u f’Għawdex jirriżulta li hawn 2,398 każ attiv.

Issa in-numri totali tal-virus f’pajjiżna sa mill-bidu tiegħu jammontaw għal 19,497 u li minnhom fiequ 16,811.

Mill-aħħar aġġornament joħroġ ukoll li fl-aħħar 24 siegħa ingħataw madwar 1,800 doża tal-vaċċin li minnhom madwar 900 kienu persuni li ħadu t-tieni doża.