Internazzjonali

Libja: Salvati l-għexieren tal-immigranti f’perjodu ta’ ġimgħa

Il-gwardjani tal-kosta Libjani salvaw ‘il fuq minn 1,500 immigrant illegali ‘il hinn mill-Punent tal-Libja u wara numru ta’ missjonijiet ta’ salvataġġ li damu għaddejjin għal ġimgħa sal-jum tal-Erbgħa.

L-informazzjoni ngħatat mill-NGO bl-isem International Rescue Committee, bil-kelliema jgħidu li fil-jum tal-Erbgħa biss kienu salvati mal-240 immigrant Afrikan minn żewġ dgħajjes li kienu fl-ibħra ‘il hinn mill-belt tal-port ta’  Al-Khums,

L-uffiċjali tal-gwardjani tal-kosta rakkuntaw li huma, dakinhar, kellhom jikkonfrontaw diversi diffikultajiet biex itellgħu lill-immigranti mill-ewwel dgħajsa u fejn mifhum li huma kellhom jegħlbu wkoll xi reżistenza.

Intant, l-istess kelliema qalu li l-immigranti fuq it-tieni dgħajsa ma tawhomx daqshekk oppożizzjoni.

L-immigranti li jinqabdu ‘il barra mill-kosta tal-Libja qed jirrifjutaw li jntbagħtu lura lejn il-pajjiżi li jkunu telqu minnhom meta huma jippreferu li jistennew lill-bastimenti inkarigati minn ħidma umanitarja biex isalvawhom minn sitwazzjonijiet diffiċli.