Il-Gvern qed jibqa’ ċass quddiem problema li qed tolqot mijiet ta’ persuni fosthom anzjani, sitwazzjoni li tista’ twassal biex dawn jispiċċaw bla saqaf fuq rashom.
Meta saqsejnih jekk għandux ċifra ta’ kemm hawn nies li għandhom il-kirja ta’ qabel l-1995, il-Ministru tal-Housing deher jiftaħ il-file li kellu quddiemu, iżda baqa’ ma weġibx. Filwaqt li rrefera għal rapport ta’ 11-il sena ilu.
“Mela ħa nibdew daqsxejn… irridu nifhmu li hawnhekk mhux nitkellmu fuq il-kirjiet ta’ qabel l-1995 iżda fuq dawk liberiżati, naħseb jekk tħares lejn iċ-ċensiment li sar fi żmien Nazzjonalista, naħseb 2010… hemm għandek l-istatistika kollha… ċertament illum hemm statistika differenti…”
Dan ifisser li sa issa wara 8 snin ta’ Gvern Laburista din l-amministrazzjoni għadha tibbaża fuq rapport li sar lura fl-2010 minn Gvern Nazzjonalista.
Kien numru ta’ ġimgħat ilu, meta l-Kap tal-PN Bernard Grech tkellem għall-ewwel darba dwar din is-sitwazzjoni li hija ta’ nkwiet għal bosta. Meta stqasejna lill-Ministru x’inhu jagħmel biex isolvi din il-problema tal-kirjiet Galdes qalilna biss li se jibdew jitkellmu.
“Aħna se nkunu qed nitkellmu, niddiskutu ma’ dawk involuti… u b’hekk ikollna wkoll soluzzjoni għal din il-problema”
Saqsejnih ukoll xi tweġibiet se jagħti lill-persuni li għaddejjin minn din il-problema u bi kliemu, kkonferma li m’għandux proposti.
“Irridu nitilqu minn eserċizzju li wieħed jikkonsulta u jitkellem”
Intant, lill-Ministru tal-Housing saqsejnih ukoll jekk għadux jaħsibha bħas-sena l-oħra, meta kien qal li f’Malta m’hawnx problema ta’ housing. Iżda anke hawn, naqas milli jwieġeb….
“Jiena jien, il-PN jipprova jislet parti mid-diskors…. jien se nitkellem jew int?”
“Għaliex fuq kollox jien nemmen li m’għandniex problema kbira ta’ housing” – Galdes f’Jannar 2020 fuq One Radio
Galdes, dahru mal-ħajt, wieġeb għalih innifsu u qal li fl-aħħar 3 snin ħadem u għamel il-proġetti. Dan meta huwa fatt magħruf li dawn il-proġetti għadhom ġebel u saqaf jew saħansitra pedamenti u fi 8 snin, Gvern Laburista għadu ma inawgura l-ebda unit ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali.
“Jekk trid tara min ħadem fuq housing fl-aħħar 3 snin, ħares lejn il-proġetti li għamilt”
Ara x’qalilna l-Ministru fil-filmat t’hawn fuq.
//= $special ?>