Ir-Russja tinsab lesta biex taqta’ ir-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea f’każ li l-Unjoni timponi s-sanzjonijiet ekonomiċi ġodda li ‘iweġġgħu lill-poplu Russu’. Dan qalu l-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, fost l-aħħar kriżi li qed tiżviluppa bejn Moska u Brussell.
L-Unjoni Ewropea, fl-aħħar jiem, qajjmet il-prospett ta’ sanzjonijiet ġodda fir-rigward tar-Russja b’konnessjoni mal-mod kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Russu, Alexei Navalny, kien ittrattat mill-awtoritajiet ta’ pajjiżu wara li mar lura r-Russja ftit tal-ġimgħat ilu,
Navalny kien għamel ix-xhur rikoverat fil-Ġermanja wara li, f’Awwissu, spiċċa vvelenat minn kimika li xi ħadd tefalu fix-xarba, ftit qabel hu kellu jaqbad titjira interna fir-Russja. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Russa, intant, kien akkuża direttament lill-President tar-Russja Vladimir Putin dwar attentat fuq ħajtu.
Illum Navalny qed jinżamm il-ħabs fir-Russja u fl-aħħar ġimgħa, Moska u l-UE keċċew numru ta’ diplomatiċi ta’ xulxin f’battibekk jaħraq dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Russu.
Fl-aħħar sigħat, il-Ministru Russu għall-Affarijiet Barranin, Sergei Lavrov, għamilha ċara li pajjiżu ‘jinsab lest biex ixolji r-relazzjonijiet’ mal-UE f’każ li jkun neċessarju. Hu spjega li l-ksur tar-relazzjonijiet kapaċi jseħħ f’każ li l-Unjoni tikkonferma sanzjonjiet ‘li joħolqu s-sogri għall-ekonomija u l-aktar setturi sensittivi tar-Russja’.
Sergei Lavrov ikkummenta wkoll li ‘jekk wieħed irid il-paċi, għandu jipprepara wkoll għal gwerra’ — waqt li spjega li għalkemm ir-Russja ma tridx tiżola ruħha mill-kumplament tad-dinja, hi, fl-istess ħin għandha tkun lesta wkoll ‘għal kull eventwalità u l-iżviluppi li jistgħu jvarjaw minn jum għall-ieħor’.
//= $special ?>