Internazzjonali

Stati Uniti: Jiddefendu lil Trump mill-akkużi li ‘xpruna rewwixta’ f’Washington

Supporters of President Donald Trump climb the west wall of the the U.S. Capitol on Wednesday, Jan. 6, 2021, in Washington. (AP Photo/Jose Luis Magana)

L-avukati tal-eks President Amerikan Donald Trump fl-aħħar sigħat kienu qed iħejju l-provi li Trump ma kienx ‘l-instigatur’ tar-rewwixta tas-6 ta’ Jannar f’Washington, fejn il-mijiet tal-partitarji tiegħu assedjaw il-bini tal-Capitol, bir-riżultat li mietu ħames persuni, inkluż uffiċjal tal-pulizija.

Dawn l-avukati se jressqu l-provi fis-Senat Amerikan waqt it-tieni proċess ta’ impeachment li qed ikun suġġett għalih Trump, minkejja li mgħadux President tal-Istati Uniti. L-indikazzjonijiet huma li l-avukati mhumiex se jieħdu l-ħin kollu għad-dispożizzjoni tagħhom biex jippreżentaw il-każ, u jidher li l-proċess sħiħ tal-impeachment mgħandux jieħu fit-tul. Kien irrappurtat ukoll li Trump mhux se jippreżenta ruħu (fis-Senat) bil-għan li jiddefendi l-aġir tiegħu bħala President.

Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi fis-Senat, bħala ‘il-prosekuturi’ ta’ Trump, damu jumejn jippreżentaw il-każ tagħhom kontra l-eks President u fejn spikkaw filmati tal-vjolenza tas-6 ta’ Jannar li xukkjat lid-dinja. Id-Demokratiċi qed jgħidu li f’każ li Trump jispiċċa maħfur mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu, il-poplu, ‘il quddiem, kapaċi jara ‘offensiva simili fuq il-Kungress tal-Istati Uniti’.

Madankollu, l-akkużi kontra Trump mistennija jaqgħu fil-jiem li ġejjin, peress li l-parti kbira nett tas-Senaturi Repubblikani mhumiex mistennija jivvutaw kontra tiegħu. Jinħtieġ li maġġoranza ta’ żewġ-terzi tas-senaturi jivvutaw kontra Trump biex hu jinstab ħati – u meta s-Senat jinsab maqsum ‘eżatt’ bejn il-membri Demokratiċi u Repubblikani.