L-aktar partita li tispikka fost dawk skedati għall-għoxrin ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier hija bejn il-leaders Ħamrun u t-tim b’forma mill-aqwa Birkirkara. Filwaqt li Ħamrun ilhom erbatax -il partita mhux megħluba, il-forma pożittiva ta’ Birkirkara wasslithom fil-postijiet tal-Ewropa, bi tnax-il partita mhux megħluba fil-kampjonat.
Iż-żewġ timijiet huma fost l-aqwa timijiet offensivi fil-kampjonat bi Franklin Sassere u Caio Prado jkunu fost il-protagonisti. B’hekk din il-partita għandha l-ingredjenti kollħa sabiex tagħti gost lill-pubbliku sportiv.
F’partita oħra fil-Hibernians stadium, HIbernians jiltaqgħu kontra Mosta. Filwaqt li Mosta għadhom ġejjin minn telfa kontra Gżira fl-aħħar ħarġa tagħhom fil-kampjonat, mhux l-istess jista’ jingħad għal Hibernians, hekk kif fl-aħħar partita tagħhom għadhom ġejjin minn rebħa kbira ta’ 4-1 kontra ir-rivali Valletta. B’din ir-rebħa Hibernians jinsabu b’moral għoli sabiex ikomplu jikkompetu ma’ Ħamrun fit-taqtigħa tagħhom għar-rebħ tal-kampjonat.
Wara il-ġimgħa movimentata li kien hemm fil-kamp Furjaniż b’ħatriet u riżenji fosthom tal-kowċ John Buttigieg, Floriana se jaffrontaw lit-tim tal-aħħar post Senglea Athletic. Il-forma negattiva ta’ Floriana ħallithom jissiltu fil-postijiet tar-relegazzjoni u rebħa kontra Senglea hija imperattiva sabiex iqawwu it-tamiet tagħhom li jżommu posthom fil-Kampjonat BOV Premier.
F’partita bejn żewġ timijiet f’nofs il-klassifika Sirens se jilgħabu kontra Valletta. Iż-żewġ timijiet se jkunu qegħdin iħarsu li jirrispondu għat-telfiet diżappuntanti li kellhom kontra Hibernians u Tarxien fl-aħħar ħarġiet tagħhom fil-kampjoant. Minkejja dan iż-żewġ timijiet ħarġu rebbieħa fil-partiti tagħhom fl-FA Trophy b’Valletta jiksbu rebħa ta’ 2-1 kontra Gudja filwaqt li Sirens rebħu kontra Fgura bl-iskor ta’ 5-0.
Il-partita skedata bejn Balzan u Żejtun ġiet posposta minħabba xi każijiet pożittivi fl-iskwadra ta’ Żejtun.
Għada: Hibernians stadium; Hibernians v Mosta 2.00pm, Senglea v Floriana 6.00pm, National stadium; Birkirkara v Ħamrun 2.00pm, S.Lucia v Tarxien 6.00pm, Il-Ħadd: National stadium: Gżira v Lija 2.00pm, Balzan v Żejtun posp., Centenary stadium: Sirens v Valletta 3.00pm, Gudja v Sliema 7.00pm
//= $special ?>