“Wasal iż-żmien li Joseph Muscat jieqaf jipprova jnaqqas mill-fatt li kienet teżisti relazzjoni, ċertament sa ftit ilu, bejnu u Fenech.” – Din kienet id-dikjarazzjoni iebsa li ħarġet mill-Editorjal ta’ Times of Malta.
L-Editorjal spjega kif matul is-sitt snin tiegħu bħala Prim Ministru, qabel ma kellu jwarrab, Joseph Muscat u l-amministrazzjoni tiegħu żammew il-folol ‘mitmugħa sew’, sal-punt li dehru infallibbli u indistruttibbli, tant li l-istqarrijiet tiegħu qatt ma kienu ddubitati.
It-Times qalu li dan kollu nbidel fl-aħħar tal-2019 meta l-arrest ta’ Yorgen Fenech, li issa qed jiffaċċja akkużi ta’ kompliċità fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, wassal għal terremot politiku. Ftit li xejn konna nafu affarijiet dak iż-żmien meta mqabbel mal-informazzjoni li ħarġet minn dak iż-żmien ‘l hawn. “Issa huwa evidenti li dak li kien ġie meqjus bħala allegazzjonijiet selvaġġi u teoriji ta’ konspirazzjoni ma kinux riżultat ta’ immaġinazzjoni ta’ xi ħadd.”
L-editorjal kompla jgħid li Yorgen Fenech kellu rwol ewlieni fil-ftehim tal-power station tal-Electrogas u kien ġie żvelat ukoll bħala s-sid tal-kumpanija 17 Black, sors ta’ dħul għall-kumpaniji tal-Panama tal-ħbieb ta’ Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Muscat kien qal li sar jaf lil Fenech madwar 12-il sena ilu u, minn dakinhar, iltaqa’ miegħu f’okkażjonijiet “ta’ darba”, anke kien saħansitra speċifika li ltaqgħu biss tmien darbiet. “Aħna ltqajna soċjalment u rarament tkellimna dwar proġetti,” qal l-eks Prim Ministru waqt l-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Muscat pero, aċċetta li teżisti “ħbiberija”. Dan met rriżulta wkoll li Muscat, Fenech u Schembri kellhom ‘chat group’ flimkien.
L-editorjal kompla jfakkar kif f’okkażjoni waħda, Muscat u l-familja tiegħu qattgħu vaganza f’lukanda fi Franza ta’ Fenech. Huma fakkru li Muscat stieden lil Fenech għall-party ta’ għeluq sninu f’Jannar 2019, meta n-negozjant żgur li kien diġà fuq r-radar tal-pulizija. Fil-fatt, Muscat qal li l-istedina ħarġet fuq il-parir tas-servizz tas-sigurtà. Fenech ta lil Muscat tliet fliexken ta’ inbid prezjuż, wieħed minnhom tas-sena 1974, is-sena meta twieled Muscat, u t-tnejn l-oħra tal-2007, meta twieldu t-tfal tal-eks Prim Ministru. Dak iż-żmien kien żvelat ukoll li Fenech ta lil Muscat arloġġ Bvlgari.
Fl-aħħar jiem Times of Malta żvelat li, f’Marzu tal-2019, Muscat introduċa lil Fenech ma’ negozjant Taljan b’rabta ma’ ftehim potenzjali dwar l-enerġija marbut mal-Electrogas. Dak iż-żmien, Muscat kien konxju li Fenech kien persuna ta’ interess fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Bidnija. “Muscat iridna nemmnu li din kienet “prattika normali” u li huwa aġixxa fuq “talba … rigward proġett ta’ interess nazzjonali”, qal l-editorjal.
Dak li għamel Muscat ma kien normali xejn. Fenech kien diġà, xhur qabel, ġie espost bħala s-sid ta l-kumpanija 17 Black, bl-implikazzjonijiet kollha ta’ magħha. F’Novembru ta’ wara, in-negozjant tressaq il-Qorti b’rabta mal-qtil tal-ġurnalista, li jfisser li l-pulizija kienu ilhom jsegwuh u l-Prim Ministru kien jaf.
“Muscat għandu kull dritt li jagħmel id-difiża tiegħu. Huwa wieħed li ma jikkonvinċix.” Il-messaġġ li kien bagħat lil Fenech eżatt qabel il-festa ta’ għeluq is-snin ta’ Jannar 2019 – fejn Joseph Muscat kien kiteb “jien, int u K” (li possibilment kien qed jirreferi għal Schembri) għandu jkollna chat – fattur li jqajjem il-mistoqsija ta’ kemm verament kienu “rarament tkellmu” Joseph Muscat u Yorgen Fenech.
//= $special ?>