Lokali

Anki Zammit Lewis jispiċċa jfarfar dwar id-deal tal-isptarijiet

Il-Ministru Zammit Lewis għażel li jaħrab milli jwieġeb id-domandi ta’ Net News dwar dak li qal id-deputat Konrad Mizzi fil-Qorti u l-mod kif qed iwaħħal fil-Ministri tal-Kabinett illi kienu jafu kollox dwar id-deal tal-isptarijiet. Saħansitra, Mizzi żvela li fejn jidħol dan il-ftehim ma’ Vitals u Steward kienu approvati mill-inqas 14-il deċizjoni fuq livell ta’ Kabinett.

“Jien Ministru tal-Ġustizzja… ma nistax inwieġeb x’jiġri fil-Qorti…” – Edward Zammit Lewis

Konrad Mizzi fir-realtà qalilna dan anki barra l-Qorti.

“Però dawn il-kummenti anki qalhom barra l-Qorti…” – il-ġurnalist

“Barra l-Qorti.. it-tieni ħaġa tapprezza, il-laqgħat tal-kabinett huma sigrieti u jien marbut b’kodiċi tal-etika” – Edward Zammit Lewis

Meta deher quddiem l-Imħallef Francesco Depasquale fil-kawza li fetaħ l-eks Kap tal-PN Adrian Delia, Konrad Mizzi ħarab kull domanda li għamlulu kemm l-Avukat Edward Debono u kemm Adrian Delia.

U minflok wieġeb, beda jirrepeti kontinwament il-frażi “Jiena nagħżel li ma nweġibx”, bl-avukat tiegħu Carol Peralta jgħid lill-Qorti li kien ta parir lil Mizzi biex ma jixhidx f’dan l-istadju, peress li ma kienx ingħata ‘disclousure’ fl-Inkjesti Maġisterjali li għaddejjin dwar dan id-deal skandaluż – deal li kien kundannat anki mill-Awditur Ġenerali.

Sa issa, il-Prim Ministru Robert Abela għadu qed jiddefendi dan id-deal u jibqa’ jkaxkar saqajh milli jieħu azzjoni. Dan filwaqt li għadna qed noħorġu mit-taxxi tagħna miljuni kbar għal Steward Healthcare.