Lokali

“Il-by-pass tal-Imrieħel se titwessa’ għall-mixi” – Fredrick Azzopardi

Skont il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, l-art li se tittieħed lill-bdiewa fl-Imrieħel mhux se tkun qed tintuża’ għall-karozzi, iżda biex issir bankina aktar wiesgħa għal min irid imur jimxi fil-Bypass u għal dawk li jużaw ir-roti.

Azzopardi kien qed jitkellem fuq ix-xogħlijiet li ħolqu kontroversja sħiħa u li sabu kritika qawwija mhux biss mill-bdiewa li se titteħdilhom l-art, iżda anke mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi, u minn diversi esponenti politiċi oħra, fosthom l-eks Prim Ministru Alfred Sant u l-eks President Marie Louise Coleiro Preca.

Ritratt: Joseph Galea

Dan il-proġett ifisser li l-pont li sewa aktar minn miljun ewro, u li ilu anqas minn erba’ snin li sar, issa se jiżżarma. Iżda skont Azzopardi, dan il-pont kien ippjanat biex iservi biss għal ftit żmien. Mistoqsi hux se jintrema’, huwa wieġeb li ‘mhux se jintrema’, imma mhemmx aktar bżonnu’.

Mistoqsi waqt programm fuq ix-Xandir tal-Istat jekk din it-triq kinitx qed issir biex taġevola lil xi ħadd partikolari, Azzopardi qal li allaħares kien hekk.

Fredrick Azzopardi kien mistoqsi wkoll jekk fil-proġett tal-Imrieħel saritx konsultazzjoni mal-bdiewa. Hu qal li l-Awtorita tal-Ippjanar tagħmel il-konsultazzjoni tagħha, filwaqt li Infrastructure Malta waħħlet karti fuq il-propjetà biex tavża lill-bdiewa bix-xogħlijiet.

Ritratt: Joseph Galea

Is-CEO ta’ Infrastructure Malta kien mistoqsi wkoll dwar kummenti li għadda lill-bdiewa Qriema meta qallhom li kienu gawdew biżżejjed. Għal dan, Azzopardi qal li ma kienx qed jirreferi għall-art imma għall-ilma li għandhom fil-ġibjuni tagħhom.

Dwar ir-roundabout li se tkun qed tinbena f’Burmarrad, u li biex issir se jinqerdu razzett u spiera li għandhom aktar minn 500 sena, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta qal li din għadha ma saritx. Iżda  ppressat jgħid saritx applikazzjoni għaliha, hu kkonferma li l-applikazzjoni filfatt issa saret, li jfisser li l-aġenzija mistennija tipproċedi bix-xogħolijiet.

Ritratt: Martin Agius

Bi tweġiba għal dak li ntqal li din ir-roundabout qed issir biex taġevola lil kuntrattur li għamel bi €8,000,000 xogħol lill-istess infrastructure u li isse se jiftaħ supermarket fl-inħawi qal li anzi tant mhux hekk, li dan l-istess supermarket se jmur agħar b’din ir-roundabout.

Sadanittant, dwar il-proġett tal-Imsida, Azzopardi qal li l-viżwali mxandrin fil-media mhumiex reali. Qal li dan il-proġett se jżid biss ftit aktar karozzi f’din iż-żona minn dawk li hemm illum, bil-preżentatur jistaqsi kif allura dan il-proġett qed jinċentiva t-trasport alternattiv li ilna s-snin nisimgħu dwaru meta fil-verità se jkompli jżid mat-traffiku.

It-tweġiba ta’ Azzopardi kienet li l-għan hu li t-traffiku jiġi ttrasferit lejn l-arterji biex fl-irħula jibdew jintużaw aktar ir-roti.