L-aħbar żvelata llum minn The Shift News li avukat li sa ftit ilu kien jifforma parti mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali issa qiegħed jiddefendi l-persuna li kontra tagħha l-Avukat Ġenerali fetaħ kawża, hija ta’ tħassib serju u turi li l-Gvern Laburista m’għandu l-ebda rieda li jipproteġi l-integrita’ u l-imaġġni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Fi stqarrija, iffirmata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina, il-Partit Nazzjonalista qal li jistenna li l-Ministru għall-Ġustizzja jieħu azzjoni b’mod immedjat dwar dan il-każ.
Fin-nuqqas li jagħmel dan il-Ministru għall-Ġustizzja jkun qed jabdika mir-responsabbilta’ tiegħu li jiddefendi u jiżgura l-integrita’ u l-imaġġni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u jwassal għal aktar telf ta’ fiduċja fil-qasam tal-ġustizzja f’pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalist jfakkar li l-Bord ta’ Inkjesta li kienet ġiet ordnata mill-Ministru għall-Ġustizzja u li tmexxiet mill-Prim Imħallef Emeritus Joe Azzopardi, kienet ikkonkludiet li ma jeżistux salvagwardji biżżejjed biex tiġi mħarsa l-imaġġni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-istess Bord ta’ Inkjesta kien irrakkomanda li dawk l-avukati li jagħżlu li jitilqu mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkunu pprojbiti milli irrappreżentaw persuni u/jew kumpaniji li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jkun beda kawżi kontrihom.
Il-Ministru għall-Ġustizzja għandu jagħti rendikont sħiħ ta’ x’azzjonijiet se jittieħdu fil-każ li ġie żvelat minn The Shift News kif ukoll jispjega x’sar biex tidħol fis-seħħ ir-rakkomandazzjoni magħmula lilu mill-Prim Imħallef Emeritus Joe Azzopardi.
//= $special ?>