Kultura Lokali Mużika

Lejn it-twaqqif ta’ Skola tal-Mużika

Qed inżidu ħolqa oħra fil-kullana ta’ proġetti fil-komunitajiet tagħna bl-għan li nagħtu aktar opportunitajiet ta’ taħriġ għat-tfal b’inizjattiva edukattiva mużikali li se tagħmel ġid enormi mat-tfal u ż-żgħażagħ Beltin.

Hekk qal id-Deputat Nazzjonalista Claudio Grech, Chairperson u Fundatur tal-Fondazzjoni Save A Life, waqt l-inawgurazzjoni ta’ proġett li twettaq flimkien mas-Soċjetà Filarmonika La Valette.

Dan il-proġett wassal biex is-Soċjetà tkun tista’ tiżviluppa skola tal-mużika li minnha mistennija jieħdu tagħlim estensiv numru sostanzjali ta’ tfal u żgħażagħ Beltin u minn lokalitajiet oħrajn biex jibqa’ jitkattar it-tagħrif mużikali, filwaqt li s-Soċjetà Filarmonika La Valette tibqa’ ssostni r-rwol tagħha fil-komunità.

Jonathan Grima, President tas-Soċjetà Filarmonika, qal li s-Soċjetà hi ħajja f’qalb kull Malti u Belti. Sa mit-twaqqif tagħha, fl-1874, l-għan tagħha kien li titwaqqaf soċjetà mużikali biex tilqa’ tfal u żgħażagħ Beltin.

Dan il-proġett tal-Fondazzjoni Save A Life hu importanti għall-komunità u għall-Fondazzjoni nnifisha għax flimkien mas-Soċjetà trid tara li t-tfal u ż-żgħażagħ Beltin ikollhom fejn imorru jistudjaw u jirikkrejaw ruħhom.

Jonathan Grima rringrazzja f’ismu u f’isem sħabu tal-Kumitat lil Claudio Grech u lill-mara tiegħu għall-mod kif qed jaħdmu b’viżjoni għaż-żgħażagħ u għat-tfal fil-komunità Beltija.

Min-naħa tiegħu, Claudio Grech qal li t-tnedija ta’ dan il-proġett hu xhieda oħra ta’ l-impenn li għandhom l-organizzazzjonijiet f’dan il-qasam. Fil-ħajja hu tajjeb li jkollok viżjoni, iżda l-isbaħ viżjonijiet huma dawk li permezz tagħhom jitwettqu proġetti ta’ fejda għall-komunità li tkun qed taħdem fiha.

Dan il-proġett jiġbor fih għadd ta’ valuri imprezzabbli fil-ħajja tal-lum li għandhom jispiraw lil kulmin b’xi mod hu impenjat fil-komunità.

Il-Fondazzjoni Save A Life, li Claudio Grech waqqaf flimkien ma’ martu Charmaine fl-2013, għandha l-għan li b’mod attiv tgħin lill-komunitajiet u l-organizzazzjonijiet fil-loktalitajiet tal-ewwel distrett ħalli bil-ħidma tagħhom joffru spazju u jipprovdu inizjattivi mmirati għat-tfal u ż-żgħażagħ tal-lokalitajiet fejn joperaw.

B’kollox s’issa saru 12-il proġett, li minnhom qed igawdu madwar 1,500 tifel u tifla. Il-finanzjament prinċipali ta’ din il-Fondazzjoni ġej mill-Onorarja Parlamentari li Grech jieħu bħala Membru Parlamentari, kif ukoll minn għajnuniet oħrajn b’risq dawn il-proġetti.