Rugby Sport

Louis Rees-Zammit il-protagonist għal Wales f’rebħa fuq l-Iskozja

F’logħba missilta bejn l-Iskozja u Wales f’Murrayfield l-Iskozja, Wales ħarġu rebbieħa 25-24 biex b’hekk għamlu bidu mill-aqwa għal dan it-turnament tas-Six Nations, wara ir-rebħa tal-ġimgħa l-oħra kontra l-Irlanda. L-iskozja temmew l-ewwel taqsima b’vantaġġ ta’ 17-8 bi tries minn Darcy Graham u Stuart Hogg, iżda fit-tieni taqsima Wales irnexxielhom idawwru ir-riżultat favur tagħhom b’Zammit jiskurja it-try deċisiv. Il-protagonist għal Wales kien il-plejer b’dixxendenza u kunjom Malti, Louis Rees-Zammit, li skorja żewġ tries għat-tim tiegħu kif ukoll ħa l-aqwa plejer tal-partita. In-nannu ta’ dan il-plejer kien emigra minn Malta għal Londra lura fiż-żmien. Bosta kienu dawk li faħħru il-wirja tajba li kellu dan il-plejer fil-partita ta’ llum, bl-eks plejer ta’ Wales James Hook jisħaq li Zammit kien il-plejer li għamel id-differenza u wera x’kapaċitajiet għandu.

L-Ingilterra b’rebħa importanti kontra l-Italja

L-Ingilterra rnexxielhom jegħlbu lill-Italja 41-18 biex b’hekk kisbu l-ewwel rebħa fis-Six Nations wara id-disfatta li kellhom il-ġimgħa l-oħra kontra Wales. Fi Twickeham, l-Ingliżi immexxija mill-kowċ Eddie Jones, kienu maħsuda bi try kmieni fil-partita permezz ta’ Monty Ioane iżda irreaġixxew tajjeb bi tries minn Jonny Hill u Anthony Watson biex għalqu l-ewwel taqsima b’vantaġġ ta’ 20-8. Is-sostitut Tomasso Allan għamel it-tieni try għat-Taljani iżda Elliot Daly għalaq il-partita hekk kif skorja it-try tiegħu sabiex ta rebħa importanti għall-Ingliżi. Dawn ta’ l-aħħar issa se jkunu qegħdin isegwu b’attenzjoni il-partiti bejn Wales u l-Iskozja u l-Irlanda u Franza, għaliex l-aspirazzjnijiet tagħhom li jirbħu din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża jiddependu fuq ir-riżultati ta’ dawn il-partiti.