Internazzjonali

Prim Ministru ġdid fl-Italja

Mario Draghi hu uffiċjalment il-Prim Ministru l-ġdid tal-Italja, hekk kif l-eks President tal-Bank Ċentrali Ewropew ħa l-ġurament tal-ħatra wara li l-eks Prim Ministru Giuseppe Conte ta r-riżenja tiegħu.

Żviluppi li seħħew wara li Matteo Renzi, mexxej tal-partit Italia Viva, ħareġ mill-koalizzjoni tal-Gvern f’nofs il-kriżi tal-pandemija li ħalliet aktar minn 93,000 vittma fil-pajjiż ġar tagħna.

Min-naħa l-oħra, Draghi għandu s-sostenn tal-maġġoranza tal-partiti politiċi ewlenin fl-Italja, inkluż il-Movimento Cinque Stelle.

Il-Gvern ta’ Draghi, li ħa l-ġurament tal-ħatra s-Sibt waranofsinhar mingħand il-President tar-Repubblika Sergio Mattarella, hu magħmul minn 23 Ministru, fosthom 8 nisa u 8 teknokratiċi – b’dawn tal-aħħar ikunu responsabbli mill-aktar Ministeri ewlenin, fosthom tal-Ġustizzja, tal-Intern, tal-Ekonomija, tal-Ambjent, tal-Infrastruttura u tat-Trasport.

Barra minhekk, mit-23 Ministru, huma biss 7 dawk li kienu membri fil-Kabinett tal-Prim Ministru Conte u li issa kienu kkonfermati minn Mario Draghi, fosthom wieħed mill-aktar persuni ewlenin fil-Movimento Cinque Stelle – Luigi Di Maio – li se jibqa’ fil-kariga ta’ Ministru għall-Affarijiet Barranin.

Dan filwaqt li Roberto Speranza mill-Partit Liberi e Uguali nżamm fil-kariga ta’ Ministru għas-Saħħa.

Fil-Gvern il-ġdid Taljan hemm 4 mill-Movimento Cinque Stelle, 3 mill-Partit Demokratiku, il-Lega, u Forza Italia … u wieħed mill-partiti Liberi e Uguali, u Italia Viva