Lokali

“Qed nillegalizzaw l-isfruttament sesswali tal-persuni” – Malta Women’s Lobby

“La s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar stess irrikonoxxiet li għal ħafna, il-prostituzzjoni m’hix għażla iżda nassa, ma nistgħux nillegalizzaw l-isfruttament tal-persuni u nipprova nagħtu stampa li hu impjieg leġittimu.”

Sostna dan fi stqarrija il-Malta Women’s Lobby (MWL) hekk kif ikkundanna l-pjani tal-Gvern li il-legalizzazzjoni kif proposta mill-Gvern Laburista, mingħajr ebda sanzjonijiet fuq ix-xerrej, se tibgħat il-messaġġ li m’hemm xejn ħazin li wieħed jixtri l-ġisem ta’ mara.

MWL fakkar li l-prostituzzjoni innifisha diġa’ mhux illegali iżda huma it-tlajjar fil-pubbliku għal skop ta’ prostituzzjoni u l-qliegħ minn fuq il-prostituzzjoni (pimping) li huma reati fil-liġi.

Il-Grupp wissa’ li f’pajjiżi fejn il-prostituzzjoni ġiet legalizzata bl-istess mod li qed jipproponi l-Gvern bħall-Olanda, il-Ġermanja u New Zealand, il-prostituzzjoni splodiet. F’dawn il-pajjiżi, il-prostituzzjoni qed issir fuq skala industrijali, tattira eluf ta’ turisti għas-sess u qed issir fil-miftuħ f’postijiet pubbliċi, lukandi u saħansitra qrib skejjel.

“Dan hu t-tip ta’ turiżmu sostenibbli u ta’ kwalita’ li rridu nattiraw?” – staqsa MWL.

MWL wissa wkoll li l-prostituzzjoni għandi rabtiet qawwija mal-kriminalita’ organizzata u li tiffaċilita’ l-prostituzzjoni tkun qed tiftaħ il-bibien għal iktar kriminalita’, inkuż il-ħasil tal-flus.

Il-Grupp qal ukoll li hu fatt magħruf li l-maġġoranza kbira tal-prostituti huma nisa, tfajliet u nisa transgender u x-xerrejja tal-prostituzzjoni huma kważi esklussivament irġiel. Kwalunkwe miżura li tagħti leġittimita’ lill-prostituzzjoni tibgħat messaġġ ħażin lil bniet u tfajliet li jistgħu jagħmlu ‘karriera’ mill-prostituzzjoni u lill-irġiel u subien li m’hemm xejn ħażin li wieħed li jixtri s-sess.