“Quddiem dan il-ħmieġ ir-reżistenza ssir obbligatorja. Mhux se nieqfu biss sal-attiviżmu tal-laptop“.
Hekk stqarr Andrè Callus, tal-Moviment Graffiti waqt konferenza tal-aħbarijiet b’nofs l-għelieqi f’Burmarrad.
Il-konferenza tal-aħbarijiet issejħet hekk kif bdiewa f’Burmarrard qed jiffaċċjaw theddida fuq l-għajxien tagħhom. Dan hekk kif Infrastructure Malta beħsiebha tgħaddi romblu minn fuqhom u fil-proċess teqred spiera u razzett li għandhom il fuq minn 500 sena.
Graffiti qalu li x-xogħlijiet li qed tinsisti dwarhom Infrastructure Malta qed isiru biex jaġevolaw kuntrattur li għamel bi kwazi €8,000,000 xogħol għal Infrastructure Malta stess u li issa se jiftaħ supermarket fil-lokalità.
Skont Infrastructure Malta, ir-roundabout hi meħtieġa biex isservi ta’ mezz biex tnaqqas il-veloċità tat-traffiku, madankollu f’din it-triq, minbarra speed camera hemm ukoll rumble strips li jservu dan il-għan.
Il-bdiewa ta’ din il-lokalità ma kienu mgħarrfa b’xejn u kien biss meta jum wieħed, Cane Vella, bidwi żagħżugħ li jaqla’ l-għajxien tiegħu billi jaħdem din l-art, lemaħ kartuna b’avviż fuqu dwar xogħlijiet li kienu se jsiru fiż-żona.
Philippa Mangion, iz-zija ta’ Cane, li għadha sal-lum taħdem l-għelieqi, qaltilna li din l-ispiera tiftakar lil La Valette u tħaffret bl-idejn. L-ispiera hija fonda mal-45 pied. Mangion qalet li l-bużnannu tagħha kien diġà juża din l-ispiera.
Ix-xogħol se jkun qed jhedded is-sors tal-ilma li jsaqqi l-għelieqi fiż-żona. Sors li ilu jnixxi l-mijiet tas-snin.
Dan hu xogħol li ħoloq kontroversja sħiħa anke għaliex is-CEO ta’ Infrastrutcture Malta Fredrick Azzopardi kien qal li ma kienx hemm ħtieġa ta’ permess mill-Awtorità tal-Ippjanar għal dan ix-xogħol.
Gerald Lapira, Bidwi minn Ħad Dingli li tkellem tul din il-konferenza insista li l-ħarsien ambjentali huwa responsabbiltà ta’ kulħadd. Hu fakkar li l-Prim Ministru ilu jwiegħed aktar għarfien u kuxjenza ambjentali iżda qal li mill-kliem irridu ngħaddu għall-fatti.
Il-bdiewa Dinglin għaddejjin minn ġlieda oħra ma’ Infrastructure Malta li hija determinata li tibni triq f’nofs l-għelieqi u li m’għandhiex użu speċifiku. F’Ottubru bdiewa u attivisti waqqfu l-kuntrattur li kien se jibda bix-xogħlijiet permezz ta’ protesta spontanja.
Għalkemm ix-xogħlijiet fuq din it-triq għadhom ma bdewx, kollox jindika li l-Gvern se jibqa’ għaddej kif kien pjanat.
Tkellmet ukoll Marianna Calleja, li gejja minn familja ta’ bdiewa Qriema, li wkoll qed jiffaċċjaw theddid fuq l-għajxien tagħhom, hekk kif anke hemm, il-Gvern se jieħu artijiet tal-bdiewa biex jibni triq li bosta qalulu li mhemmx ħtieġa tagħha. Calleja insisitiet li din mhijiex ġlieda politika, iżda ġlieda għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin kollha.
Sa issa fil-każijiet kollha jew ma kienx hemm konsultazzjonijiet serji mal-partijiet konċernati, jew inkella, minkejja li saret xi tip ta’ konsultazzjoni, il-Gvern qed jibqa’ għaddej bix-xogħolijiet, mingħajr mhu qed jagħti każ tal-konsegwenzi fuq l-għajxien tal-bdiewa u fuq l-ambjent.
//= $special ?>