Milan sofrew it-tielet telfa fil-kampjonat u fetħu t-triq beraħ għal Inter biex jitilgħu fl-ewwel post hekk kif barra minn darhom tilfu kontra Spezia 2-0, b’Inter jilgħabu llum kontra Lazio. Spezia fetħu l-iskor fis-56 minuta meta wara nuqqas ta’ attenzjoni fid-difiża ta’ Milan kien GIULIO MAGGIORE li kkonkluda bla ebda diffikultà. It-tim imexxi minn Vincenza Italiano rdoppja fis-67 minuta permezz ta’ SIMONE BASTONI wara li rċieva mingħand Estevez. Milan naqsu milli jwettqu reazzjoni sat-tmiem bi Spezia jżommu r-riżultat u jiksbu tliet punti importanti.
Napoli rritornaw għar-rebħ b’rebħa importanti ta’ 1-0 fuq ic-champions Juventus. Din ir-rebħa tat xi ftit tan-nifs lill-kowċ Gennaro Gattuso hekk kif bl-aħħar riżultati u l-eliminazzjoni mill-Coppa Italia kien f’periklu li jitlef postu bħala kowċ ta’ Napoli. Għal Juventus din kienet l-ewwel telfa wara għadd ta’ partiti. Il-gowl deċiżiv f’dan il-konfront wasal fil-31 minuta meta Giorgio Chiellini deher jolqot bil-minkeb lil Amir Rrahmani fil-kaxxa bir-referee wara konsultazzjoni mal-VAR jordna penalty. Minn ħdax-il metru, LORENZO INSIGNE ma żbaljax. Fit-tieni taqsima l-logħob baqa’ bilanċjat, b’Napoli jagħrfu jiddefendu r-riżultat biex b’hekk pattew sportivament għad-diżappunt li sofrew fil-finali tas-Super Cup Taljana kontra Juventus.
Fi Stadio Olimpico Grande Torino, Torino u Genoa temmew fi draw ta’ mingħajr gowls f’partita nieqsa mill-azzjonijiet bir-riżultat jiffavorixxi aktar lil Genoa hekk kif Torino għandhom bżonn il-punti biex jitbiegħdu miż-żona relegazzjoni.
SERIE A
Ilbieraħ: Bologna v Benevento 1-1 Illum: Torino v Genoa 0-0, Napoli v Juventus 1-0, Spezia v Milan 2-0 Għada: Roma v Udinese 12.30pm, Cagliari v Atalanta 3.00pm, Sampdoria v Fiorentina 3.00pm, Crotone v Sassuolo 6.00pm, Inter v Lazio 8.45pm It-Tnejn: Verona v Parma 8.45pm