Futbol Sport

Tkompli l-kriżi ta’ Liverpool, b’Leicester City jikkastigawhom bi tliet gowls f’seba’ minuti

(Ritratt: EPA)

Leicester City, kontra kull mistenni, taw telfa oħra lil Liverpool fil-King Power Stadium fejn – fi spazju ta’ seba’ minuti biss — irkupraw gowl żvantaġġ u wieġbu darbtejn oħra biex tefgħu liċ-Champions Ingliżi fi kriżi profonda. Il-‘comeback’ tal-Foxes ħalla lit-tim immexxi minn Jurgen Klopp bla nifs, bir-Reds, issa, qegħdin jagħmlu l-kontijiet ta’ żball inkredibbli ieħor mill-gowlkiper Alisson. Dan meta l-Brażiljan kellu wkoll tort fit-telfa kbira (1-4) tal-Ħadd li għadda li Liverpool sofrew ma’ Manchester City f’Anfield Road.

L-ewwel taqsima ntemmet mingħajr gowls għalkemm Liverpool marru qrib darbtejn minn Salah u Firmino – bl-attakkant ta’ Leicester, Jamie Vardy jara l-kanunata tiegħu tħakkek mal-lasta u għall-barra b’Alisson megħlub.
It-tieni taqsima rriservat aktar azzjonijiet u erba’ gowls – b’Liverpool imorru fil-vantaġġ minn Mo SALAH (67) fuq l-assist ta’ Firmino. Minn dak il-ħin, Leicester daħlu aktar fil-logħba, bil-VAR iħassrilhom penalty qabel James MADDISON (78), sekondi wara, sab ir-rokba tax-xibka bi freekick għall-1-1. Dan il-gowl ukoll għadda mill-iskrutinju tal-VAR minħabba l-possibbiltà li Amartey kien offside waqt il-freekick iżda l-gowl kien ikkonvalidat fost il-ferħ tal-plejers ta’ Leicester.

It-tieni gowl tal-Foxes – tliet minuti wara – seħħ wara ‘paprata’ kbira ta’ Alisson li ħareġ mill-kaxxa biex ibiegħed il-ballun fuq il-pass fit-tul ta’ Tielmans u fejn hu baqa’ dieħel fid-difensur sieħbu Ozan Kabak (li kien qed jiddebutta għar-Reds) – b’VARDY ma jirrifjutax ir-rigal quddiem lasta vojta.
Ir-Reds kienu għadhom maħsuda meta ħames minuti mit-tmiem, Harvey BARNES sab ruħu żmarkat fuq l-assist ta’ Ndidi u fejn mill-ġdid għeleb lil Alisson għat-tielet darba. B’din ir-rebħa, Leicester telgħu t-tieni fil-Premier League, fejn qabżu lil Manchester Utd ( li jilgħabu llum kontra West Bromwich Albion) b’punt wieħed u meta l-Foxes lagħbu logħba aktar mir-Red Devils.

Intant, it-tieni telfa konsekuttiva għal Liverpool fil-kampjonat tfisser li r-Reds spiċċaw f’periklu li anki jitilfu posthom mat-Top Four jekk kemm-il darba huma jkomplu b’dawn ir-riżultati deludenti. Manchester City komplew juru għalfejn huma favoriti għar-rebħ tal-kampjonat b’rebħa konvinċenti oħra, 3-0, – din id-darba għall-ispejjeż ta’Tottenham Hotspur, fl-Etihad Stadium. B’dan is-suċċess, is-Citizens, issa, rebħu 15-il logħba konsekuttiva u bil-vantaġġ tagħhom f’ras il-Premier League jiżdied għal seba’ punti (u b’logħba anqas minn Leicester). Il-konfront enfasizza wkoll il-perjodu ferm negattiv li għaddejjin minnu Spurs u l-manager tagħhom Jose Mourino wara l-bidu pożittiv inizjali.

Il-gowls ta’ City waslu darbtejn minn Ilkay GUNDOGAN (50 u 66) wara li RODRI (23) kien poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ permezz ta’ penalty. Intant, Man City kontrollaw il-logħba għal ħafna ħinijiet u setgħu anki għaqqdu l-poker, b’Raheem Sterling ifalli ċans faċli minn quddiem il-lasta.
Il-kriżi ta’ Tottenham qed tidher aktar evidenti meta wieħed iqis li huma, issa, kisbu biss 16 il-punt minn erbatax-il-logħba waqt li jinsabu fit-tmien post tal-Premier League.

Burnley approfittaw minn diversi żbalji difensivi ta’ Crystal Palace biex kisbu rebħa impressjonanti, 3-0, fuq l-Eagles f’Selhurst Park – u għal riżultat li jkompli jbiegħedhom miz-zona l-ħamra tal-klassifika.
L-ewwel gowl ta’ Burnley wasal wara ħames minuti meta Johann Berg GUDMUNDSSON approfitta mill-indeċiżjoni tad-difensuri avversarji – u clearance ħażin ta’ Scott Dann – biex poġġa lill-Clarets fil-vantaġġ, u b’Jay RODRIGUEZ (10) jirdoppja bir-ras direttament minn korner. Palace ma kellhomx risposta u mal-ftuħ tat-tieni taqsima Burnley għalqu l-logħba bit-tielet gowl skurjat minn Matt LOWTON li sab ix-xibka b’volley perfett li ħalla lil Guaita iħares.

PREMIER LEAGUE
Illum: Leicester v Liverpool 3-1, Crystal Palace v Burnley 0-3, Man City v Tottenham 3-0, Brighton v Aston Villa 0-0 Għada: Southampton v Wolves 1.00pm, WBA v Man Utd 3.00pm, Arsenal v Leeds 5.30pm, Everton v Fulham 8.00pm It-Tnejn: West Ham v Sheff Utd 7.00pm, Newcastle v Chelsea 9.00pm