Lokali

Żagħżugħ f’qagħda gravi wara argument f’Pembroke

Il-Pulizija għaddejja bi tfittxija ta’ persuna wara li żagħżugħ kellu jittieħed b’urġenza l-Isptar Mater Dei hekk kif ġarrab daqqiet t’arma taqta’ u bil-ponta.

Il-każ seħħ kmieni s-Sibt filgħodu meta għal ħabta tas-sitta u nofs il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm persuna feruta fi Triq Sir Adrian Dingli, f’Pembroke.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-vittma, mis-Senegal, kien involut f’argument ma’ raġel ieħor fejn dan tal-aħħar darab lill-barrani u sussegwentament ħarab minn fuq il-post.

Malli waslu l-Pulizija fil-post, minnufih ġiet msejħa l-assistenza ta’ ambulanza li ħadet lir-raġel mis-Senegal l-isptar għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi.

Filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet, kull min għandu xi informazzjoni dwar il-każ għandu jinforma lill-Korp.