“Irridu ningħaqdu flimkien favur il-Partit Nazzjonalista; favur Malta u Għawdex.”
Hekk qalet is-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Roselyn Borg Knight, illi l-Ħadd filgħodu waqt l-attività organizzata mill-PN ħeġġet biex kull persuna taħdem għall-Partit Nazzjonalista, liema partit qed jaħdem bla waqfien għall-ġid tal-gżejjer Maltin.
“Nixtieq nindirizza wkoll lil dawk li forsi llum reġgħu lura fil-Partit u jħossu li m’hemmx post għal kulħadd,” qalet Borg Knight. “Dan mhux sew lanqas. Fl-aħħar mill-aħħar hija r-responsabbilità ta’ żewġ partijiet. Kif jgħidu bl-Ingliż, it takes two to tango. U jien hawnhekk ukoll nagħmel appell lil forsi min iħossu skomdu jilqa’ lil ċertu nies. Dan żgur mhux is-sentiment li jħaddan Bernard Grech li sirt naf jien.”
Borg Knight żiedet tgħid li Bernard Grech mill-ewwel jum bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista impenja ruħu b’għadd ta’ laqgħat favur pajjiżna minkejja l-isfidi.
“Jekk hemm xi ħaġa li fhimt minn dawn il-laqgħat regolari li kelli mal-Kap kien proprju min hu Bernard Grech,” qalet Borg Knight. “Kemm Bernard Grech lest li jisma’, lest li jifhem u lest li jilqa’.”

Borg Knight qalet li trid tara Partit Nazzjonalista mgħaqud biex ikompli jaħdem għall-pajjiżna.
“Nappella biex aħna naħdmu lkoll flimkien biex jiena nersaq lejn kull wieħed u waħda minnkom jew intkom tersqu lejja biex ejja naraw kif nistgħu naħdmu lkoll flimkien, kif nistgħu lkoll niktbu l-paġna l-ġdida flimkien,” qalet Borg Knight. “Għaldaqstant b’lealtà kbira lejn il-Kap qed naħdem bi ħġari fil-Partit Nazzjonalista kif dejjem għamilt, kien min kien il-Kap. Għax fl-aħħar mill-aħħar, ikun min ikun il-Kap, huwa l-Partit li jibqa’ hemm. Il-Partit huwa dak li huwa tagħna, kull wieħed u waħda minnha huwa parti mill-mużajk li jiddistingwi l-Partit Nazzjonalista mill-Partit Laburista. Illum, il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn lil kull wieħed u waħda minna.”