Lokali

“Bl-imħabba naslu” – maratona b’risq il-fondazzjoni Hospice

“Bl-imħabba naslu”. Dan huwa l-isem ta’ maratona ġbir ta’ fondi li qed issir f’Jum San Valentinu b’risq il-fondazzjoni Hospice.

Din is-sena ….ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi kellhom jitħassru minħabba l-pandemija. Iżda l-mard ma naqasx…. u għalhekk Hospice Malta għandhom bżonn l-għajnuna tal-poplu Malti u Għawdxi sabiex ikomplu jagħtu s-sapport mhux biss lil dawk morda b’mard terminali iżda wkoll lill-qraba tagħhom. Filfatt il-fondi miġbura waqt din il-maratona se jmorru għall-proġett St Michael Hospice u t-tisħiħ tal-kura paljattiva.

Hospice Malta ilha tagħti l-għajnuna għal dawn l-aħħar 32 sena… b’1,300 familja tingħata l-għajnuna kull sena. Minkejja l-pandemija, saru t-tibdiliet meħtieġa sabiex is-servizzi ma jitwaqqfux kompletament iżda jkomplu permezz ta’ pjattaformi diġitali.

Min-naħa tiegħu l-President ta’ Malta George Vella tenna l-apperezzament tiegħu għall-ħidma imprezzabbli li tagħmel Hospice Malta ma’ dawk li sfortunatment ikunu għaddejjin mill-marda tal-kanċer kif ukoll mard ieħor serju. Aktar tard illejla mistenni jgħaddi l-appell tiegħu l-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista David Agius.

Sabiex wieħed jgħin lill-Hospice, jista’ jagħti donazzjoni kemm online kif ukoll iċempel fuq in-numri li qed jintwerew waqt il-maratona li qed tixxandar fuq l-istazzjonijiet kollha fosthom Net Television… maratona li se tibqa’ għaddejja sa nofsillejl.