Internazzjonali

Covid-19: Azzjoni drastika u deċiżiva fi New Zealand

Il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, ħarġet direttivi biex il-belt ta’ Auckland, li hi l-akbar belt tal-pajjiż, tidħol f’lockdown ta’ tlett ijiem wara li l-awtoritajiet żvelaw tliet każi lokali ġodda tal-Covid-19.

Ardern qalet li l-awtoritajiet qed jieħdu azzjoni deċiżiva u ‘mal-ewwel’ wara li l-każi kienu identifikati – u meta r-residenti ta’ Auckland iridu bilfors jibqgħu d-dar għall-perjodu taż-żmien speċifikat ħlief fir-rigward ta’ obbligi tax-xoghol u x-xiri ta’ affarijiet essenzjali.

Il-pajjiż ilu jissemma bħala ‘mudell’ għall-bqija tad-dinja minħabba l-mod kif irreaġġixxa għall-pandemija — u fejn dam ix-xhur mingħajr trasmissjoni tal-infezzjoni qalb il-komunità. Dan wara li New Zealand – li għandu popolazzjoni ta’ ħames miljuni – għalaq il-fruntieri għall-kważi l-barranin kollha waqt l-ewwel fażi tal-pandedmija, u bil-ħsieb li jelimina l-virus.

Fi New Zealand mietu biss 25 persuna mill-Covid-19 u meta sallum kienu reġistrati ftit aktar minn 2,300 każ.

Fir-Renju Unit, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Dominic Raab qal li l-Kabinett Britanniku mhux jeskludi l-introduzzjoni ta’ ‘passaporti għan-nies li jkunu ngħataw il-vaċċini kontra l-coronavirus’.

Intant, Raab tenna li mhu se jsir l-ebda ‘impenn arbitrarju’ biex jonqsu l-miżuri restrittivi fil-pajjiż mingħajr analiżi bir-reqqa  tal-impatt tal-virus fuq il-każi potenzjali li jistgħu jżidu l-ammonti tal-pazjenti fl-isptarijiet.

Fl-istess ħin, iċ-ċittadini tal-Ingilterra li għandhom bejn il-65 u d-69 sena minn għada jistgħu ‘jibbukkjaw’ l-appuntament għat-tilqima kontra l-coronavirus.

Sadanittant, il-Ġermanja għalqet parzjalment il-fruntieri mar-Repubblika Ċeka u r-reġjun ta’ Tirol fl-Awstrija, fost l-istqarrijiet li dawn iz-zoni, issa, qed jitqiesu bħala ‘inħawi fejn qegħdin jinfirxu l-varjanti tal-Covid-19’.