Lokali

“Dejjem kont realistiku” – Robert Abela jiddeskrivi lilu nnifsu tul il-pandemija

Waqt li indirizza lill-partitarji tiegħu f’laqgħa politika, Robert Abela rrepeta kemm-il darba li hu kien onest man-nies waqt il-pandemija u li dejjem kien realistiku, fejn imkien ma semma d-diversi stqarrijiet kontroversjali li għamel f’dawn l-aħħar 11-il xahar.

Minkejja l-pressjoni li qed issir mill-unions u l-Korpi Kostitwiti, Robert Abela baqa’ ma kkommettiex ruħu li jestendi l-wage suppliment għal wara Marzu. U dan qed isarraf f’daqqa oħra għan-negozji, minħabba li ma jistgħux jippjanaw.

Il-Prim Ministru iddedika parti kbira mid-diskors tiegħu f’attakk partiġġjan fuq il-Partit Nazzjonalista b’lingwaġġ negattiv mill-bidu sal-aħħar.

Robert Abela spiċċa wkoll jammetti l-falliment tal-Gvern fil-linja nazzjonali tal-ajru l-Air Malta. Dan filwaqt li faħħar lil Steward Healthcare anke jekk dan id-deal kien ikkundannat mill-NAO – deal li ta’ kuljum qed jisraq lill-poplu Malti.

Tul id-diskors tiegħu l-Prim Ministru saħansitra saħaq li l-problema tat-traffiku f’pajjiżna hi solvuta għaliex hu m’għadux jeħel fi traffiku.

Intant, qabel id-diskors ta’ Robert Abela, tkellmet Paula Cauchi, persuna qrib il-Viċi Prim Ministru Chris Fearne u ħaddiema fl-istess Ministeru ta’ Fearne. Kif kien mistenni matul id-diskors tagħha, ħadet l-opportunità li tfaħħar lill-imgħallem tagħha Chris Fearne.