Investigazzjonijiet mill-Iskwadra tal-Pulizija ta’ Kontra d-Droga matul il-jum tas-Sibt wasslu għall-arrest ta’ erba’ persuni Maltin, fi tliet rejds separati.
Wara jiem ta’ osservazzjoni, il-Pulizija wettqet rejd f’residenza privata f’Santa Luċija u arrestaw mara ta’ 48 sena. Fir-residenza nstabu madwar 50 pakkett b’sustanza suspettata droga kokaina u oġġetti relatati mal-użu u t-traffikar tad-droga. Il-mara mistennija titressaq il-Qorti għada.
Aktar tard matul il-ġurnata, ġiet arrestata mara ta’ 49 sena residenti l-Imsida. Il-Pulizija kienet qiegħda ssegwi pakkett suspettuż li ġie bil-posta minn barra minn Malta. Wara li l-pakkett kien segwit sar-residenza tal-mara fl-Imsida, fih instab ammont ta’ sustanza suspettata droga kannabis. Saret tfittxija fir-residenza u nstabet iktar droga, allegatament kannabis.
Il-ħidma imbagħad kompliet matul il-lejl, wara informazzjoni li kellha l-Pulizija, li allegatament kien qiegħed isir abbuż ta’ droga f’lukanda f’San Ġiljan. Il-Pulizija daħlet fil-kamra fejn kien hemm is-suspett ta’ dan l-abbuż, u hemmhekk ġew arrestati ġuvni ta’ 21 sena residenti l-Ħamrun u tfajla ta’ 19-il sena residenti Ħaż-Żabbar. Huma nstabu fil-pussess ta’ droga suspettata kannabis.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija f’dawn il-każijiet għadhom għaddejjin.




