“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem fuq aktar proposti, sabiex il-poplu Malti u Għawdxi ikollu l-irħas kontijiet u l-iktar arja nadifa possibbli. Għalhekk qed inkomplu nfasslu l-istrateġija tagħna fil-qasam tal-enerġija biex dan inwettquh.”
Bernard Grech qal li Gvern Nazzjonalista jemmen ħafna bil-potenzjal tal-karozzi elettriċi, għalhekk l-Istat għandu jirrikonoxxi lil min jinvesti f’karozza elettrika, għaliex bis-saħħa t’hekk titwal il-ħajja in-nies, filwaqt li tonqos ukoll l-ispiża finanzjarja ddedikata għas-saħħa, li tista’ tiġi nvestita f’inizjattivi oħra.
Bernard Grech qal li kull karozza elettrika fit-triq, hija karozza inqas li ddaħħan, li ssarraf f’inqas każijiet ta’ problemi ta’ saħħa marbuta ma’ mard respiratorju.
Il-Kap tal-PN saħaq li bħalissa hemm skema tal-Enemalta biex min għandu karozza elettrika, jista’ japplika għal dik li suppost hija rata preferenzjali matul il-lejl, in-night tariff.
Iżda din is-suppost night tariff mhi night tariff xejn.. Dan għaiex b’13ċ għal kull unit li tuża’ biex tiċċarġja l-karozza tiegħek, qed tispiċċa tħallas ogħla mill-irħas tariffa ta’ matul il-ġurnata. Gvern Nazzjonalista jraħħas it-tariffa ta’ matul il-lejl għal karozzi minn 13ċ għal 10ċ5, traħħis ta’ 20%.
Bernard Grech qal li l-PN jemmen li uħud mill-iskemi preżenti mhumiex effettivi, fosthom l-iskema tal-batteriji domestiċi. Skema li waslet biex ftit huma dawk li rrikorrew għaliha għaliex is-sussidju huwa baxx wisq kkumparat mal-ispiża.
Huwa qal li għalhekk din l-iskema jeħtieġ tinbidel ta’ taħt fuq għaliex hija opportunita’ oħra fejn il-konsumatur iżid l-enerġija ġġenerata fuq il-bejt tiegħu u jużaha hu minflok ibiegħha.
Din u oħrajn huma l-proposti konkreti li l-PN qed jaħdem fuqhom sabiex tingħata l-aħjar għajnuna lill-operaturi kif ukoll lill-konsumaturi.