Internazzjonali

Il-Guinea: L-ewwel imwiet bl-Ebola mill-2016

L-uffiċjali tas-saħħa fil-Guinea fl-aħħar sigħat ikkonfermaw li talanqas tliet persuni mietu mill-Ebola fil-pajjiż – b’ħamsa oħra jittestjaw pożittiv għall-virus.

Il-vittmi – li huma l-ewwel li mietu bl-Ebola mill-2016 —  spiċċaw infettati wara li attendew funeral, bl-awtoritajiet tas-saħħa lokali jinsabu għaddejjin bit-testijiet biex jikkonfermaw is-sitwazzjoni fir-reġjun tax-xlokk qrib il-belt ta’ Nzerekore.

Dan waqt li l-ħaddiema tas-saħħa fil-pajjiż qegħdin jaħdmu biex isibu u jiżolaw ‘il-każi ġodda potenzjali’ tal-Ebola.

Fl-istess ħin, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qed tipprepara għall-possibbiltà li l-marda qattiela tal-Ebola ‘qed tqajjem rasha mill-ġdid’ fil-Guinea.’

Bejn l-2013 u l-2016 ‘il fuq minn 11,000 persuna mietu fl-epidemija tal-Ebola li kienet bdiet fil-Guinea u nfirxet madwar l-Afrika tal-Punent.

Iżda minn dak iż-żmien ‘il hawn, ix-xjenzati u riċerkaturi mediċi żviluppaw numru ta’ vaċċini għal kontra l-marda u li fl-aħħar snin intużaw biex jikkontrollaw l-epidemiji li feġġew fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

Il-funerali tal-vittmi tal-Ebola huma sors ewlieni għat-trasmissjoni tal-marda waqt l-ewwel fażi ta’ xi epidemija,. Dan għaliex il-katavri tal-vittmi tal-Ebola huma partikularment ‘tossiċi’ – bil-perjodu tal-inkubazzjoni tal-virus kapaċi jdum minn sempliċi jumejn sa tliet ġimgħat.