Ambjent Lokali

Il-Pulizija qed tinvestiga lil Frederick Azzopardi

Il-Pulizija tat-Taqsima tal-Protezzjoni tal-Ambjent qiegħda tinvestiga lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Frederick Azzopardi fuq allegat ksur ta’ liġijiet ambjentali b’rabta ma’ xogħlijiet li saru f’Wied Qirda f’Ħaż-Żebbuġ is-sena li għaddiet.

F’Novembru tal-2019, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kienet ħarġet ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet, iżda dawn tkomplew, u Infrastructure Malta mbagħad appellat dik l-ordni tal-ERA.

Il-Moviment Graffitti kienu qalu li l-karti tal-infurzar maħruġa mill- ERA tqaċċtu u x-xogħol fuq Wied Qirda kompla qisu qatt ma kien xejn.

Aktar tard kien ġie spjegat li x-xogħlijiet f’Wied Qirda baqgħu għaddejjin minn Infrastructure Malta fl-aħħar ġimagħtejn ta’ Diċembru, waqt il-vaganzi, sabiex jiġi żviluppat pont f’żona protetta u li skont il-Moviment Graffiti huwa “bla permess”.

Kien intqal ukoll li l-istess awtorità kienet diġà waqqfet lil Infrastructure Malta milli tkompli x-xogħol ta’ asfaltar, twessiegħ ta’ mogħdijiet u żvilupp ta’ pedamenti għall-istess pont.

Intant isem Frederick Azzopardi fl-aħħar jiem kien dikuss ħafna hekk kif matul programm fuq ix-xandir tal-istat, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta qal li l-art li se tittieħed lill-bdiewa fl-Imrieħel mhux se tkun qed tintuża’ għall-karozzi, iżda biex issir bankina aktar wiesgħa għal min irid imur jimxi fil-bypass u għal dawk li jużaw ir-roti.