Lokali

Jinkixfu aktar allegazzjonijiet dwar il-flus li daħħlet Rosianne Cutajar mid-deal li ried jagħmel Yorgen Fenech

Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ħadet €9,000 minn ammont ta’ flus kontanti li jlaħħaq l-€40,000 mogħtija lilha mill-imprenditur Yorgen Fenech. It-Times of Malta żvelat li dan il-ħlas sar bħala parti minn ftehim dwar proprjetà fl-Imdina fl-2019.

Cutajar issieħeb mal-ħabib tagħha Charles Farrugia, magħruf bħala it-Tikka, biex jinnegozja l-ftehim dwar il-proprjetà ta’ €3.1 miljun bejn Fenech u l-bejjiegħ tal-proprjetà Joseph Camilleri.

Rosianne Cutajar iltaqgħet mas-sid ta’ 17 Black f’Awwissu tal-2019 għall-iskambju ta’ flus kontanti hekk kif ma kinux ‘il bogħod milli jiffirmaw id-deal finali. Tliet xhur wara, Yorgen Fenech ġie arrestat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fenech għadda l-flus kontanti ta’ €40,000, li ammontaw għal ħlas ta’ senserija ta’ €31,000, li ngġataw lil Farrugia, u €9,000 oħra għad-Deputat Laburista għar-rwol tagħha fil-ftehim.

Allegatament Cutajar irċieviet it-tieni pagament ta’ €46,500 fi flus kontanti ta’ €46,500 mill-istess ftehim, din id-darba mħallas lilha mis-sid tal-proprjetà tal-Imdina.

Fid-dikrazzjoni tal-assi tagħha, Rosianne Cutajar m’għamlet ebda referenza għall-ħlas fi flus kontanti ta’ €9,000 li ħadet mingħand Fenech kif ukoll dwar is-€46,500 li rċeviet mill-bejjiegħ wara l-iffirmar tal-ftehim li sar f’Mejju 2019.

Fid-dawl ta’ dan kollu l-Prim Ministru Robert Abela rrifjuta li jieħu kwalunkwe azzjoni kontriha sakemm joħroġ il-verdett tal-Kummissarju għall-Istandards.