Manchester United ma rnexxilhomx jegħlbu lil West Bromwich Albion f’The Hawthorns, bir-riżultat, 1-1, ifisser li r-Red Devils komplew jitilfu l-pass ma’ Manchester City li għandhom vantaġġ ta’ seba’ punti f’ras il-klassifika – minbarra li lagħbu wkoll logħba anqas mir-rivali eterni. West Brom marru fil-vantaġġ wara biss żewġ minuti – bil-gowl ikun wieħed diskutibbli meta, mill-cross ta’ Connor Gallagher, Mbaye DIAGNE deher jiffawlja lil Victor Lindelof sekondi qabel hu sab ix-xibka bir-ras, u bir-referi, Craig Pawson, jikkonvalida l-azzjoni.
Ir-Red Devils damu biex jimponu ruħhom fuq l-avversarji, iżda ftit qabel il-mistrieħ, Bruno FERNANDEZ sammar fir-rokna tax-xibka b’half-volley stupend wara li rċieva mingħand Shaw, għall-1-1. Fit-tieni taqsima Man United ħarġu jfittxu l-gowl tar-rebħa, b’McTominay jara t-tentattiv tiegħu maqlugħ minn fuq il-linja – b’Harry Maguire, fl-aħħar sekondi, jindirizza bir-ras lejn il-lasta fejn il-gowlkiper, Sam Johnstone, inxteħet minn tulu biex isalva b’diffikultà u bl-għajnuna tal-lasta. Minkejja dan il-punt prezzjuż, West Brom xorta għadhom f’inkwiet serju meta jinsabu t-tieni mill-aħħar, b’distakk ta’ 12-il punt ma’ Newcastle United li, bħalissa, huma l-eqreb taz-zona l-ħamra.
Southampton sofrew telfa oħra – din id-darba kontra Wolverhampton Wanderers – minkejja li huma marru fil-vantaġġ mill-prolifiku Danny INGS wara 25 minuta logħob. Minkejja l-bidu tajjeb tas-Saints, il-logħba daret kontra tagħhom meta, fit-tieni taqsima, Ryan Bertrand waqqaf il-cross-shot ta’ Nelson Semedo b’idu u, wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referi, Graham Scott, ikkonferma d-deċiżjoni inizjali għall-penalty. Inkariga ruħu mill-ħdax-il metru Ruben NEVES (53) li għeleb lill-gowlkiper McCarthy b’kalma kbira. Il-mument deċiżiv tal-logħba wasal minn Pedro Neto li qabeż lil Vestergaard u qabel sab ir-rokna tax-xibka minn angolu diffiċli għall-gowl tar-rebħa.
Arsenal taw waħda mill-aħjar wirjiet tal-istaġun fir-rebħa, 4-2, fuq Leeds United fl-Emirates Stadium. Fil-fatt, il-Gunners – bi Pierre-Emerick Aubameyang f’vena mill-aqwa – fetħu vantaġġ ta’ erba’ gowls mingħajr risposta sal-mistrieħ, li waslu minn AUBAMEYANG (13, 41 – minn penalty – u 47) u d-difensur, Hector BELLERIN. Dan kien ukoll l-ewwel hat-trick għall-attakkant Gaboniż fil-karriera tiegħu mal-Gunners.Il-logħba sa dak il-ħin kienet prattikament mitmuma, iżda Leeds wettqu speċi ta’ rimonta fit-tieni taqsima meta STRUIJK (58) sammar ġewwa bir-ras fuq corner, u b’Helder COSTA ikompli jnaqqas l-iżvantaġġ, 20 minuta mit-tmiem.
Everton kienu megħluba f’darhom minn Fulham bl-iskor ta’ 2-0. Fulham marru fil-vantaġġ permezz ta’ JOSH MAJA li kkonkluda mill-viċin wara pass tajjeb ta’ Ola Aina. Biex fil-65 minuta l-istess JOSH MAJA irdoppja għal Fulham hekk kif kien tal-ewwel li rreaġixxa għal-ballun mitluf. Everton provaw jirrispondu iżda id-difiża ta’ Fulham għalqet tajjeb għal skor finali ta’ 2-0.
Ilbieraħ: Leicester v Liverpool 3-1, C.Palace v Burnley 0-3, Man City v Tottenham 3-0, Brighton v Aston Villa 0-0 Illum: Southampton v Wolves 1-2, West Brom v Man Utd 1-1, Arsenal v Leeds 4-2, Everton v Fulham 0-2, Għada: West Ham v Sheff. Utd 7.00pm, Chelsea v Newcastle 9.00pm
//= $special ?>