Futbol Sport

Rebħiet għal Fgura, Żebbuġ u Pieta’ fil-BOV Challenge League

Chris Cassar

MQABBA ……………………….. 1

FGURA U. ………………………. 2

Mqabba: M. Buhagiar, N. Falzon, G. Mannino, K. Cutajar, R. Spiteri, K. Borg, D. Micallef, G. Cesani, N. Abouhaisa, G. Azzopardi, G. Micallef.

Fgura U: L. Moore, C. Ciantar, J. Barbara, T. Grech, S. Nanapere, O. Mifsud, C. Gandini, S. Borg, D. Caruana, N. Ojuola, D. Quintero.

Referee: Darryl Agius

Fgura skorjaw darbtejn fi spazju ta’ ħames minutio fit-tieni taqsima biex dawwru r-riżultat kontra Mqabba f’logħba konfront dirett bejn żewġ timijiet jissieltu kontra r-relegation. Kienet logħba mill-isbaħ biż-żewġ naħat ifallu poenalty kull wieħed u bit-tim ta’ Mqabba kostrett jilgħab l-aħħar tlettax-il minuta bi plejer inqas.

Wara għaxar minuti Mqabba marru fil-vantaġġ meta l-goalkeeper ta’ Fgura Moore dam ma tajjar il-ballun u laħaq fuqu Kurt Borg li ħadlu l-ballun u skorja f’lasta vojta. Erba’ minuti wara risposta ta’ Fgura b’Dylan Caruana jidħol tajjeb fil-kaxxa bix-xutt tiegħu salvat minn Buhagiar.

Fid-39 minuta Quintero daħal tajjeb fil-kaxxa fejn kien imwaqqa’ minn Mannino bir-referee ġustament jordna l-penalty iżda mill-11-il metru x-xutt ta’ Nanapere kien salvat minn Buhagiar.

Fit-tieni taqsima Fgura ħarġu iktar determinati u fl-64 minuta kisbu l-gowl tad-dro b’daqqa ta’ ras ta’ Quintero minn azzjoni ta’ korner. Żewġ minuti wara opportunita’ tad-dehb għal Mqabba meta Gianfranco Micallef twaqqa’ fil-kaxxa minn Gandini bir-referee jordna t-tieni penalty tal-logħba, iżda x-xutt ta’ Mannino mill-ħdax-il metru stampa mal-mimduda.

Ta’ dan Mqabba pattew qares għaliex fid-69 minuta Fgura dawwru r-riżultat b’azzjoni ta’ Quintero fuq il-lemin li qassem lejn is-sostitut Gilbert Martin li b’xutt mill-ewwel sab ix-xibka.

Fis-77 minuta daqqa ta’ ħarta għal Mqabba meta Gaston Cesani ntwera t-tieni karta safra biex Mqabba kellhom jilagħbu l-aħħar fażi bi plejer inqas. Minkejja dan Mqabba għafsu biex jiksbu l-gowl tad-draw bit-tim ta’ fgura kostrett jiddefendi, iżda l-iskor baqa’ ma nbidilx biex fgur kisbu tliet punti prezzjużi.

ST. GEORGE’S …………………. 2

ŻEBBUĠ R. …………………….. 5

St.George’s: M. Bartolo, M. Caruana, J. Briffa, Y. Nomura, B. Gomes, W. Zamble, L.J. Agius, J. Sultana, M. Farrugia, R. Tanti, A. Hili.

Żebbuġ R: M. Grech, S. Bugeja, J. Micallef, G. De Marino, A. Mizzi, J. Silveira, C. Gauci, R. Vella, S. Miloskovic, G. Gesualdi, K. Tanti.

Referee: Sandro Spiteri

Żebbuġ kisbu r-raba’ rebħa konsekuttiva meta għelbu lil St. George’s 5-2 f’logħba mill-isbaħ, logħba li kkonfermat il-mixja mpressjonanti tar-Rangers li skorjaw 17-il gowl fl-aħħar erba’ logħbiet. Għal St. George’s, minkejja l-prestazzjoni qalbiena tasal it-telfa wara żewġ rebħiet konsekuttivi.

Bidu tajjeb St. George’s li wara erba’ minuti kellhom opportunita’ tad-deheb iżda Zamble waħdu quddiem il-goalkeeper falla l-opportunita meta xeħet barra. Fit-12-il minuta Żebbuġ fetħu l-iskor meta xutt fjakk u ċentrali ta’ De Marino ħarab minn idejn il-goalkeeper Bartolo, bil-ballun jispiċċa fix-xibka.

Fil-15-il minuta xutt ta’ Nomura u save brillanti tal-goalkeeper ta’ Żebbuġ Grech, u minuta wara l-istess Grech reġa’ salva fuq Gomes. Il-logħba kienet verament sabiħa bil-ballun tiela u nieżel u fil-21 minuta Żebbuġ għamluhom tnejn f’azzjoni ta’ kontrattak u konklużjoni preċiża ta’ Clive Gauci li għeleb lil Bartolo b’xutt fil-baxx.

Fis-36 minuta St. George’s meritatament naqqsu l-iskor meta Zamble daħal tajjeb fil-kaxxa u għeleb lil Grech b’xutt fil-baxx. Issa s-Saints bdew jippressaw biex jiksbu l-gowl tad-draw iżda eżatt qabel intemmet it-taqsima Żebbuġ għamluhom tlieta meta minn kross ta’ randall Vella kien Jesmar Briffa li f’attentat li jikklerja xellef il-ballun għal ġewwa.

Fit-58 minuta xutt ta’ Clive Gauci ħabat mal-mimduda u għaxar minuti wara St.George’s naqqsu l-iskor meta Zamble approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża u għeleb lil Grech b’xutt b’saħħtu. Fil-71 minuta Żebbuġ viċin ir-raba’ gowl meta Silveira qabeż anki l-goalkeeper iżda x-xutt tiegħu kien imblukkat fuq il-linja minn Hili.

Fis-77 minuta Żebbuġ għamluhom erbgħa b’azzjoni tajba ta’ Gauci li ta lejn Mijic li ma keelux diffikulta jiskorja mill-viċin. Minuta wara Mijicżmarka lil Clive Gauci li qabeż lill-goalkeeper u skorja l-ħames gowl f’lasta vojta.

PIETA H. ………………………. 4

SAN GWANN ……………….. 3

Pieta H: M. Chetcuti, S. Okoh, M. Portelli, N. Pace Cocks, J. Ghio, D. Segura, D. Mesa, N. Pisani, I. Jalo, J. Scicluna, L. Galea

San Gwann: C. Formosa, A. Adediran, C. Gauci, B. Kuyper, O. Spiteri, Z. Bowman, A. Zammit, C. Omor uanzoje, C. Gauci, U. Calistus, A. Falzon.

Referee: Aleksander Jovanovic

Pieta rritornaw għar-rebħ wara żewġ telfiet konsekuttivi meta f’logħba mill-iktar kumbattuta għelbu lil San Gwann 4-3, bit-tim ta’ San Gwann jilgħab għal ħinijiet twal fit-tieni taqsima bi plejer inqas, u issa San Gwann b’din it-telfa komplew jitbiegħdu mit-tielet pożizzjoni.

Fl-20 minuta fl-ewwel azzjoni denja Pieta fetħu l-iskor meta James Scicluna daħal tajjeb fuq ix-xellug u qassam lejn il-Kolombjan Daniel Mesa li daħal tajjeb u spara fix-xibka mill-viċin. Il-logħba kompliet bilanċjata bit-tim ta’ San Gwann iwettaq reazzjoni tajba u fit-33 minuta l-iskor sar indaqs.

Azzjoni ta’ Kuyper li ta ballun lejn Adediran li minn pożizzjoni ferm angolata skorja ġmiel ta’ gowl. Iżda fid-39 minuta Pieta reġgħu marru fil-vantaġġ meta xutt bomba ta’ Mesa kien parzjalment salvat minn Formosa u fuq ir-rebound daħal tajjeb James Scicluna li xeħet fix-xibka.

Minuta wara opportunita’ immedjata għal San Gwann li jiksbu d-draw b’azzjoni oħra ta’ Adediran u xutt destinat għal ġewwa li kien salvat minn fuq il-linja minn Pisani.

Fil-55 minuta fawl ta’ Calistus fuq Segura, u tieni karta safra u tkeċċija għal Calistus. Minkejja dan in-nuqqas San Gwann kisbu d-draw fit-62 minuta b’daqqa ta’ ras stupenda ta’ Adediran. Fil-71 minuta Pieta mill-ġdid fil-vantaġġ meta Segura twaqqa’ fil-kaxxa u mill-11-il metru kien Mesa li skorja b’xutt preċiż fil-baxx.

Tliet minuti mit-tmiem Pieta għalqu definitivament il-logħba bir-raba’ gowl skorjat minn Segura wara azzjoni ferm tajba fuq il-lemin ta’ James Scicluna. Kien baqa’ ħin għal gowl spettakolari ta’ Kuyper fid-89 minuta għal skor finali ta’ 4-3.