Internazzjonali

Stati Uniti: Twissija li d-demokrazija saret ‘fraġli’ wara l-maħfra għall-eks President Donald Trump

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden tkellem dwar is-sitwazzjoni f’pajjiżu wara li l-eks President Donald Trump ma nstabx ħati dwar l-inċitament tal-folol fil-qalba ta’ Washington aktar kmieni din is-sena. Biden enfasizza li ‘il-vjolenza tal-massa’ tas-6 ta’Jannar, waqt l-assedju fuq il-bini tal-Capitol, għandu jfakkar lil kulħadd li d-demokrazija hi ‘xi ħaġa fraġli li trid tkun imħarsa u rispettata’.

It-tieni proċess għall-impeachment ta’ Trump fi tmiem il-ġimgħa ma wassalx għall-kundanna tal-eks President li kien qed ikun akkużat b’li ‘xpruna arja ta’ rivoluzzjoni’ fil-kapitali li wasslet għall-imwiet ta’ ħames persuni. U għalkemm il-maġġoranza tal-membri fis-Senat Amerikan iddikjaraw lil Trump ħati, dawn ma laħħqux il-maġġoranza ta’ żewġ-terzi għal kundanna uffiċjali.

Min-naħa tiegħu, Joe Biden qal li ‘ftit hemm dubju dwar l-akkużi relatata għar-rwol ta’ Trump fl-irvellijiet ta’ Washington’, iżda issa hu qed jaħseb biex jaqleb il-paġna u jindirizza ‘l-isfidi aktar importanti għall-Istati Uniti’.

Il-proċess għall-impeachment ta’ Trump, nhar is-Sibt, ikkonkluda b’vot ta’ 57-43 kontra l-eks President, b’seba’ senaturi Repubblikani jissieħbu mat-48 senaturi Demokratiċi u żewġ senaturi indipendenti li jemmnu li  Donald Trump kien l-instigatur tax-xeni ta’ għajb li rajna f’Washington (fis-6 ta’ Jannar) meta l-partitarji tiegħu assedjaw il-bini tal-Kungress Amerikan.

Il-prosekuturi Demokratiċi insistew li Trump kien ‘saħħan l-irjus tal-partitarji’ bl-allegazzjonijeit foloz li hu kien tilef l-elezzjoni tat-3 ta’ Novembru għall-Presidenza Amerikana minħabba kampanja ta’ frodi, kalunji u manipulazzjoni. Intant, l-avukati ta’ Trump ċaħdu li l-kliem ta’ Trump kien jammonta għal ‘inċitament’ u sostnew li s-Senat ma kellux għalfejn jipproċesssa lil eks President Amerikan.

Min-naħa tiegħu, Donald Trump esprima sodisfazzjon għall-fatt li l-akkużi kontra tiegħu issa waqgħu u qed jirrepeti kemm-il darba li hu sar ‘il-vittma ta’ kampanja politika kontra tiegħu’.

Meta tkellem dwar il-verdett, Joe Biden – li żamm ‘il bogħod mill-proċess għall-impeachment – qal li ‘filwaqt li l-vot finali ( fis-Senat) ma wassalx għal kundanna, wieħed ma jistax jikkuntesta s-sustanza tal-akkuża proprja’.

Biden saħaq li ‘il-kapitlu iswed (l-assedju fuq il-Capitol) fl-istorja tal-Istati Uniti fakkar lil kulħadd li d-demokrazija hi fraġli hu li kulmin jemmen fiha għandu jiddefendiha filwaqt li jkun attent għad-diversi theddid li jistgħu jinqalgħġu minn żmien għal żmien’. Il-President Amnerikan ikkonkluda li l-vjolenza u l-estremiżmu mgħandhomx post fl-Istati Uniti u li kull Amerikan jinsab fi dmir biex jiddefendi l-verità u ma jħallix il-gideb u l-insinwazzjonijiet irabbu l-għeruq qalb is-soċjetà.