Bil-proposta li ppreżenta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech il-ġimgħa li għaddiet – biex ma tibqax issir inġustizzja ma’ min ibigħ il-units iġġenerati minn sorsi nodfa ta’ enerġija lill-Enemalta – se jgawdu madwar 25,000 familja.
Dan hekk kif, minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li bħalissa huma madwar 25,000 il-familji li fis-snin li għaddew investew f’pannelli foto-voltajċi biex jiffrankaw il-flus bil-provvista tal-enerġija għal djarhom.
Fl-2010, Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista kien nieda diversi skemi li minnhom gawdew eluf ta’ familji wara li rċievew sussidji biex jagħmlu dan l-investiment. Fl-istess żmien, kienet tnediet l-iskema – magħrufa bħala Feed-in Tariff – li biha l-familja setgħet tbigħ il-units li ma tkunx użat lill-Enemalta.
Madankollu, fi tmiem il-kuntratti li l-familji kienu għamlu mal-Gvern Nazzjonalista, fl-aħħar snin, dawn kienu qed jispiċċaw vittmi ta’ inġustizzja fil-prezzijiet li qed jitħallsu għal kull unit li jbigħu lill-Enemalta meta mqabbel ma’ kemm l-Enemalta ddaħħal għal dak l-istess unit.
Hu għalhekk li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ippreżenta l-proposta li se tissarraf biss f’ġid għall-poplu Malti u Għawdxi kollu. Bil-proposta tiegħu, il-Partit Nazzjonalista qed jittama li maż-żmien ikunu aktar il-familji li jagħżlu li jinvestu biex l-arja ta’ madwarna tkun aktar nadifa.
Bl-istess ħsieb, ilbieraħ, Bernard Grech nieda proposta oħra dwar is-settur tal-Enerġija, hekk kif spjega li Gvern Nazzjonalista se jraħħas b’20% it-tariffa ta’ matul il-lejl biex wieħed jiċċarġja l-karozza elettrika tiegħu.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li l-Partit immexxi minnu se jkompli jaħdem fuq aktar proposti biex il-poplu Malti u Għawdxi kollu jkollu verament l-orħos kontijiet u l-aktar arja nadifa possibbli.
//= $special ?>