Internazzjonali

Covid-19: L-ewwel residenti fil-‘lukandi ta’ kwarantina’ tar-Renju Unit

L-ewwel nies li qed jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit minn barra issa jridu bilfors jagħmlu żmien speċifikat fi kwarantina f’numru ta’ lukandi li se jservu dan l-iskop. Fil-fatt, dawn in-nies – li fl-aħħar sigħat kienu qed jaslu fl-ajruport ta’ Heathrow —  qed ikunu suġġetti għar-regoli tas-sigurtà li kienu deċiżi mill-ogħla awtoritajiet Britanniċi.

Minn issa ‘il quddiem, iċ-ċittadini Britanniċi u Irlandiżi kollha – flimkien mar-residenti fir-Renju Unit – li jaslu l-Ingilterra wara li jkunu qattgħu xi żmien f’pajjiż ‘fejn is-sogru tal-Covid-19 huwa għoli’ iridu jqattgħu perjodu ta’ ‘self-isolation’ fil-lukandi partikulari.

Il-‘lista l-ħamra’ ta’ pajjiżi bl-ogħla livell ta’ sogru tinkludi 33 pajjiż, fosthom il-Portugall, il-Brażil u l-Afrika t’Isfel – bl-aħħar żewġ pajjiżi jkunu ‘sinonimi’ mal-varjanti ġodda tal-virus. Ir-regoli ġodda intiżi biex iwaqqfu ċ-ċirkolazzjoni tal-varjanti fir-Renju Unit qed japplikaw għan-nies li kienu żaru xi wieħed mill-pajjiżi fuq il-lista f’dawn l-aħħar għaxart ijiem.

Dawn in-nies iridu jimpenjaw ruħhom għal pre-booking tal-kmamar filwaqt li jħallsu mal-1,750 Sterlina biex iqattgħu għaxart ijiem fil-lukandi li huma sanzjonati mill-Gvern, L-ispiża inkwistjoni tkopri ż-żmien tar-residenza, it-trasport lejn il-lukandi u l-proċessi tat-testijiet għal infezzjoni potenzjali.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku, Matt Hancock, qal li s-sistema tal-kwarantina fil-lukandi qed tkun ‘effettiva’ filwaqt li mistennija tipprovdi ‘difiża sodisfaċenti’ fid-dawl tal-varjanti perikolużi tal-Covid-19.

Sadanittant, l-effetti tal-coronavirus laqtu partikularment ħażin lill-Ġappun mill-aspett ekonomiku. Dan  meta l-ekonomija nazzjonali, minkejja sinjali ta’ titjib fl-aħħar tliet xhur tal-2020, xorta waħda reġistrat tnaqqis fil-Prodott Gross Domestiku (GDP) għal matul is-sena li għaddiet.

Filwaqt li l-ekonomija Ġappuniża kienet ħadet spinta żgħira bejn Ottubru u Diċembru, l-iżvilupp kien konsiderevolment anqas mill-perjodu ta’ Lulju-Settembru, fejn l-ekonomija kibret b’5.3 fil-mija.

L-agħar impatt tal-pandemija, matul is-sena, inħass f’termini ta’ konsum domestiku u esportazzjoni – bl-ekonomija tal-Ġappun tonqos b’4.8 fil-mija għas-sena li għaddiet (kollha) u li hu l-ewwel tnaqqis fuq dan il-livell mill-2009.

Sadanittant, Bill Gates, il-fundatur biljunarju tal-Microsoft, qal li soluzzjoni għall-pandemija għandha tkun ‘faċli għall-aħħar’ meta paragunata mal-impenn tad-dinja biex issolvi l-fenomenu tal-bidliet fil-klima…Fenomenu li, ‘il quddiem,  kapaċi jħallu effetti diżastrużi għall-aħħar għall-pajjiżi kollha.