Ambjent Lokali

Ian Borg jibqa’ jinjora lill-bdiewa

Jum wara l-ieħor, il-karba tal-bdiewa lokali kulma jmur qed tiżdied – bil-mannara fuq rashom u fuq arthom f’isem il-progress tal-asfalt u l-konkrit – theddida mmexxija mill-politika tal-Gvern Laburista.

Wara li s-Sibt, grupp ta’ bdiewa appellaw lill-Gvern biex ibegħdilhom din it-theddida fuq l-ghajxien tagħhom, hekk kif Infrastructure Malta flimkien mal-Ministru tat-Toroq Ian Borg – bi ħsiebhom jgħaddu romblu minn fuq arthom.

Madanakollu mistoqsi minn NET News jekk hux se jkun qed jagħti widen ta’ dawn l-appelli, Ian Borg attakka dawn l-istqarrijiet u saħaq li hu jagħti kas biss lill-bdiewa veri.

Bosta bdiewa esprimew it-tħassib tagħhom, bil-bdiewa ta’ Burmarrad saħqu li ma kienux avżati bl-iżvilupp li se jeħdilhom l-art, għajr għal kartuna b’avviż fuqha dwar xogħlijiet li kienu se jsiru fiż-żona. Min-naħa tagħhom, il-bdiewa Qriema jinsabu mhedda bil-proġett  tal-Flyover fil-Bypass tal-Imrieħel – dan kollu għad-detriment tal-ambjent Malti u tal-prodott lokali.

Diversi residenti u bdiewa stqarrew li issa qed jirrealizzaw li l-wiegħda elettorali tal-Partit Laburista li l-ambjent ikun prijorità huma biss kliem fieraħ u għamad quddiem għajnejn il-poplu Malti u Għawdxi.