Anqas minn ġimgħatejn bogħod mill-bidu ta’ Marzu, il-Gvern għadu bla pjan dwar x’għajnuna se jkun qed joffri lill-familji u lin-negozji biex ikomplu jkunu miġġielda l-isfidi ekonomiċi kkawżati mill-pandemija.
Il-Ministru Clayton Bartolo – li fl-aħħar reshuffle tal-Kabinett intagħżel minn Robert Abela biex imexxi s-settur importanti tat-Turiżmu – ma kienx kapaċi jwieġeb x’se jiġri mill-wage supplement minn Marzu ‘l hemm, specjalment għall-ħaddiema fil-qasam turistiku.
Iżda minkejja li Marzu jinsab magħna, il-Ministru Bartolo qal biss li l-Gvern qed jistenna ż-żmien opportun biex iħabbar x’se jiġri. U fl-ebda ħin ma kkommetta ruħu li jestendi din l-għajnuna għal kulħadd, kif qed titlob il-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar u Medji.
In-nuqqas ta’ ppjanar għall-futur mill-Gvern ta’ Robert Abela kompla joħroġ fiċ-ċar anke meta staqsejna lill-Ministru tat-Turiżmu dwar il-ġejjieni tal-Air Malta.
Quddiem l-isfidi li issa ilha tiffaċċja l-linja nazzjonali tal-ajru għal diversi xhur kaġun tal-pandemija, NET News staqsa lill-Ministru Bartolo speċifikament dwar il-bdoti li tkeċċew meta issa għandek linja tal-ajru li prattikament spiċċat mingħajr piloti. Iżda anke hawn, il-Ministru farfar fuq Ministru ieħor.
Fid-diskors tal-Ħadd, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech insista li s-salvazzjoni tal-Air Malta hi kruċjali kemm għall-mijiet ta’ impjegati li jaħdmu ma’ din il-kumpanija, iżda wkoll għall-eluf ta’ ħaddiema li l-għajxien tagħhom jiddependi b’mod dirett jew indirett mit-turiżmu.
//= $special ?>