Lokali Parlament

FILMAT: Il-Gvern ta’ Robert Abela b’politika tat-Turiżmu bħal tal-1985

Skont il-Ministru tat-Turiżmu Clayton Bartolo, is-soluzzjoni għall-isfidi li qed jiffaċċja llum is-settur tat-Turiżmu hu li nerġgħu mmorru lura għall-politika tal-Gvern Laburista ta’ nofs is-snin 80.

Meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg dwar x’viżjoni għandu l-Gvern Laburista għax-xhur li ġejjin, il-Ministru tat-Turiżmu qal li – bħal fl-1985 – irridu nużaw ix-xemx biex inġibu t-turisti lejn pajjiżna.

Clayton Bartolo qal li għal darb’oħra it-tem se jkun qed jilgħab rwol importanti u f’sitwazzjoni fejn in-numru ta’ turisti li qed jiġu f’pajjiżna hu l-istess bħalma kien 35 sena ilu, “dak iż-żmien użajna t-temp bħala wieħed mill-fatturi ewlenin u llum, it-temp se jkun qed jerġa’ jgħinna għax hu għax hu wieħed favorevoli”.

Persuni li jaqilgħu x’jieklu mit-Turiżmu ilmentaw ma’ In-Nazzjon kif jista’ jkun li l-Gvern ta’ Robert Abela jrid imur lura għall-politika tal-eks Prim Ministru Karmenu Mifsud Bonnici u l-eks Ministru tat-Turiżmu Joe Grima biex jgħin lil settur daqstant importanti jirkupra wara l-isfidi tal-pandemija.

Kumment bħal dan tal-Ministru tat-Turiżmu fakkar lil ħafna dwar kif fi żmien il-Gvern tas-snin 80, il-Partit Laburista ftit li xejn ra kif iġib turisti ta’ kwalità lejn pajjiżna.