Lokali

Il-Kamra tal-SMEs premjata minn Kumitat Ewropew

Il-Kamra Tan-Negożji Żgħar u Medji hija r-rebbieħa ta’  premju Ewropew għas-solidarjetà ċivili. Il-Kamra tal-SMEs intagħżlet minn fost  250 applikazzjoni mressqa minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, individwi u kumpaniji privati li kienu nominati għal dan il-premju ghax-xoghol li sar tul il-pandemija.

Il-proġett imressaq mill-Kamra tan-Negozji ż-Żgħar huwa fost 23 proġett mill-UE u mir-Renju Unit li rċevew il-premju għall-kontribut eċċezzjonali tagħhom għall-ġlieda kontra l-COVID-19 u l-konsegwenzi diżastrużi tagħha.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ta l-Premju għas-Solidarjetà Ċivili lill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji għall-appoġġ li tat lill-SMEs matul iż-żminijiet inċerti tal-COVID-19. Dan wara li l-Kamra mexxiet is-servizzi li toffri normalment online u żiedet l-ghajnuna tagħha b’sensiela ta’ webinars u pjattaforma għas-sidien tan-negozji.

Il-Kumitat Ekonomiku, li jirrappreżenta s-soċjetà ċivili fil-livell tal-UE,  qal li l-proġett tal-Kamra Maltija kien eżempju notevoli ta’ solidarjetà li spikkat matul il-kriżi tal-COVID-19.

Hekk kif bdiet il-kriżi, il-Kamra – li tirrappreżenta ’il fuq minn 7,000 SME – għamlet tibdil f’xogħolha u ħolqot struttura ta’ appoġġ għall-SMEs, li ffukat fuq il-ħtiġijiet essenzjali u s-sopravivenza tagħhom. Dan kien jinkludi l-iskambju ta’ prattiċi tajbin, sessjonijiet ta’ informazzjoni, masterclasses, konferenzi, webinars, proposti ta’ politika u rappreżentazzjoni pubblika.

Il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji irċeviet premju ta’ 10,000 ewro. Il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo qalet li l-premju se jgħin lill-entità titfa’ enfasi akbar fuq il-valur tad-djalogu soċjali. Hija qalet li t-tħaddim tad-djalogu soċjali qatt ma kien daqshekk meħtieġ u saħqet li huwa mudell li bħala Kamra beħsiebhom ikomplu jibnu fuqu u jadattawh għal ċirkostanzi oħrajn.