Lokali Parlament

Il-vittmi ta’ attakki ta’ mibgħeda għandhom isibu l-appoġġ meħtieġ

Kevin Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista appella biex il-vittmi ta’ attakki ta’ mibgħeda jsibu l-appoġġ meħtieġ u biex id-diżabbiltà tkun inkluża fil-każi ta’ mibgħeda.

Fil-parlament Kevin Cutajar qal li fil-5 ta’ Frar 2021 ittellgħu kummenti negattivi dwar id-diżabbiltà tiegħu fuq l-internet bla ma dan wera l-identità tiegħu fuq profil falz. Hu sostna li dan juri kemm il-problema għadha preżenti u qal li milli jidher ħafna drabi, persuni jsibu difetti f’ħaddieħor u jattakkaw lil ħaddieħor biex mingħalihom jistabilixxu s-superjorità fuq ħaddieħor.

Fil-verità dan juri d-dgħjufija tal-persuni li jattakkaw; il-persuni b’diżabbiltà huma objettiv mhux tajjeb għal dawn il-persuni li jkunu jridu jattakkaw. F’Malta hawn madwar 20,000 persuna reġistrati bħala persuni b’diżabbiltà iżda minkejja dan dawn xorta jsibuh diffiċli jiddefendu l-pożizzjoni tagħhom.

Każi bħal dawn m’għandhomx jerġgħu iseħħu; bħala pajjiż irridu nkunu proattivi, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kmpmpla li minkejja l-inizjattivi li ttieħdu tul is-snin kontra d-diskriminazzjoni, xorta jonqos il-bżonn u n-nuqqas li l-persuni b’diżabbiltà jħossuhom ugwali daqs ħaddieħor.

Jeħtieġ li jissaħħu l-istrumenti biex persuni b’diżabbiltà jkomplu jitilgħu ‘l fuq fis-soċjetà; jeħtieġ li l-persuni li jwettqu hate crimes jinqabdu waqt li dawk vittmi jsibu l-appoġġ kollu meħtieġ.

Id-diżabbiltà għandha tkun inkluża fl-attakki ta’ mibgħeda biex mix-xewk joħroġ il-ward; biex il-persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu jiddefendu lilhom innfushom u jsibu l-għajnuna, sostna Kevin Cutajar.