Edwin Vassallo, PN
id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo appella biex il-prodott Malti, fosthom l-artiġġjanat, ikun protett u msaħħaħ bħala prodott awtentiku Malti…. sa ħames snin oħra l-artiġġjani Maltin ikunu spiċċaw.
Fil-parlament Edwin Vassallo qal li l-Awtorità se tieħu responsabbiltà dwar il-valur tad-deheb u l-fidda flok il-Konslu kif kien isir qabel. Hu sostna li l-artiġġjani jew importaturi kienu jilmentaw li jridu jieħdu l-prodotti tagħhom għand il-Konslu u qal li l-konsumaturi issa se jkollhom il-possibbiltà li jassiguraw jekk dak li xtraw hux awtentiku mal-boll tal-ġenwinità tal-prodotti.
Il-kosnumaturi Maltin għandu jkollhom id-drittijiet tagħhom assigurati, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li l-artiġġjani Maltin għandhom ikunu mgħejjuna jerġgħu jqumu fuq saqajhom minħabba li n-numru ta’ artiġġjani naqsu sew fil-pajjiż.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li għandha tingħata attenzjoni lill-manifattura tal-artiġġjanat Maltin għaliex dan hu valur miżjud fih innifsu u li l-pajjiż għandu bżonn biex l-industrija tat-turiżmu jkollha prodott Malti li jattira t-turiżmu lejn il-pajjiż.
Edwin Vassallo qal li ħafna setturi tal-ekonomija Maltija qed jispiċċaw, fosth dawn hemm il-bdiewa u issa anki l-artiġġjani. Il-Gvern għandu jerfa’ r-responsabbiltà quddiem din is-sitwazzjoni ekonomika; irridu niddefendu l-kultura ta’ dan il-pajjiż anki fl-artiġġjant tiegħu inkella l-prodotti magħmulin f’Malta se jispiċċaw.
Ejja ma nqarqux bin-nies; il-prodotti mhux magħmula f’Malta m’għandhomx jinbiegħu bħala prodotti magħmula f’Malta appella Edwin Vassallo, li sostna li l-ispezzjonijiet m’humiex qed isiru. Hu appella biex Malta ma ssirx pajjiż tal-concrete u sostna li “hemm barra hemm biss qerq u gideb”.
Edwin Vassallo qal li l-patrimonju artistiku u kultura għandu jkun imħares flimkien; fejn hi l-vetrina tal-prodott Malti? Ir-responsabbiltà hi tal-Gvern jekk l-artiġġjani jridu jkunu mgħejjuna, sostna Edwin Vassallo, li qal li l-parlament għandu jippjana għall-ġejjieni.
Dan hu Gvern nieqes mill-viżjoni għall-ġejjieni; jeħtieġ ħidma kollettiva biex jiħares l-ambjent u jkunu salvati r-ruħ soċjali u l-identità tal-pajjiż.Quddiem it-turist għandu jitpoġġa dak li hu prodott Malti; dak li hu ta’ identità Maltija. Fi żmien ħames snin oħra l-artiġġjani Maltin ikunu spiċċaw.
Il-pajjiż għandu l-awtoritajiet u l-laboratorji meħtieġa iżda mhux jittieħdu l-miżuri meħtieġa dwar il-prodott Malti; il-Gvern hu insensittiv. Hu ta’ sodisfazzjon li qed isir il-Villaġġ tas-Snajja f’Ta’ Qali iżda l-manifattura għandha tkun imsaħħa iktar għaliex dak mhux villaġġ tal-artiġġjanat.
Il-prodott Malti għandu jkun imsaħħaħ; lit-turisti qed intuhom prodotti magħmula barra minn Malta. Jeħtieġ li l-labelling jittieħed bis-serjetà u dak li mhux prodott Malti ma jinbiegħ bħala prodott li jsir f’Malta.
Id-deputat Nazzjonalista appella għal responsabbiltà u serjetà u sostna li fis-suq qed jinbiegħu bajd b’tikketti ta’ razzett li ilu magħluq sitt xhur. Hu kompla li fl-istabbilimenti turisti għandu jkun hemm kċina bi prodotti Maltin. Dan hu wkoll dritt tal-konsumatur, sostna Edwin Vassallo, li kompla li l-Gvern qata’ qalbu milli jsalva l-prodott Malti waqt l pajjiżi oħra qed idaħħlu miżuri favur il-prodotti lokali. Mhux suppost li jsir dumping ta’ prodotti f’Malta; il-protezzjoni lill-konsumaturi, lill-bdiewa u lill-artiġġjani qed issir bil-kliem biss.
Hu semma’ l-biedja organika u qal li Malta hi fost l-inqas pajjiżi fl-UE fejn hemm biedja organika; dan minħabba li t-tariffa ta’ reġistrazzjoni ma traħħsitx.
//= $special ?>