Fi tmiem il-ġimgħa ġew fi tmiemhom l-ħamsin edizzjoni tal-kampjonati Nazzjonali tal-Badminton fejn fihom spikkat Francesca Clark ta’ 16-il sen li rebħet tliet kategoriji tan-nisa.
Fil-finali tas-Singles tal-Irġiel, Matthew Abela ddefenda t-titlu meta għas-sitt darba konsekuttiva għeleb lil Sam Cassar 26-24, 17-21 u 24-22. Kif jixhdu r-riżultati, din kienet partita missielta ferma f’partita bejn żewġ atleti li tħarrġu fiċ-Ċentru ta’ Eċċelenza ta’ Badminton Europe fid-Danimarka.
Fil-kategorija tan-nisa, Francesca Clark, saret l-iżgħar atleta fl-istorja ta’ Badminton Malta li rebħet it-Triple Crown. Dan seħħ wara li hi rebħet kemm is-Singles, id-Doubles tan-Nisa u il-Mixed Doubles. Fis-singles, hija rnexxielha twaqqaf il-mixja ta’ Fiorella Sadowski wara li din kienet rebħet l-aħħar disgħa edizzjonijiet ta’ din il-kategorija. Clark rebħet din il-logħba 21-13, 21-18. Fid-Doubles tan-nisa, Francesca Clark flimkien ma’ Sarah Fava għelbu lill-istess Sadowski u Michaela Ellul 21-17, 21-13. Fil-Mixed Doubles, Francesca Clark u Sam Cassar għelbu l-isfida ta’ Matthew Abela u Sarah Fava 21-16, 21-9.
Mid-Doubles tal-irġiel, Sam Cassar u Mark Abela rebħu it-titlu għat-tielet darba nfila wara li għelbu lil Nigel Degaetano u Isaac Ellul 21-15, 21-15. Din il-logħba offriet spettaklu għal dawk li kienu qed isegwu online.
//= $special ?>