Formula 1 Sport

McLaren jiżvelaw il-karozza l-ġdida għall-istaġun li ġej

Hekk kif l-istaġun tal-Formula 1 huwa skedat li jibda x-xahar id-dieħel, McLaren kien l-ewwel tim li żvela l-karozzi tiegħu flimkien mas-sewwieqa għall-istaġun li ġej.

Is-sewwieq Awstraljan Daniel Ricciardo qal li qed iħares b’ottimiżmu lejn l-istaġun il-ġdid ma’ McLaren. Ricciardo ffirma kuntrat ta’ tliet snin ma’ McLaren. Għall-istaġun li ġej il-magna ta’ McLarens se tkun dik ta’ Mercedes. Ricciardo rebaħ seba’ tlielaq ma’ Red Bull bejn l-2014 u l-2018 qabel ma ssieħeb ma’ Renault.

Ricciardo jingħaqad ma’ Lando Norris li qal li qed iħares il’ quddiem lejn l-istaġun li ġej. Fl-istaġun li għadda, Norris irnexxielu jtemm fuq il-podju fl-ewwel u fl-aħħar tellieqa tal-istaġun.

Ic-Chairman Eżekuttiv ta’ McLaren Zak Brown qal li l-għan prinċipali għal dan l-istaġun, bħala tim hu li jnaqqsu d-distakk mat-timijiet ta’ quddiem u żied jgħid li l-għan li jirbħu l-kampjonat jkun wieħed mhux realistiku.