Futbol Sport

“M’għandix bżonn waqfa ta’ mistrieħ”- Jurgen Klopp

(Ritratt: EPA)

Waqt li kien qed jitkellem fil-konferenza tal-aħbarijiet lejliet il-partita mir-round tal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League kontra RB Leipzig, il-kowċ ta’ Liverpool Jurgen Klopp qal li ma jħossx li għandu bżonn li jieqaf jistrieħ għal ftit jiem wara l-mewt ta’ ommu fl-aħħar jiem u s-sensiela ta’ riżultati negattivi li Liverpool sofrew fl-aħħar partiti.

Klopp ċaħad l-ispekulazzjoni li Liverpool qed jikkunsidraw li jkeċċuh jew li hu ta l-ittra tar-riżenja u qal li hu flimkien mal-plejers se jkunu qed jaħdmu biex idawwru r-riżultati favur Liverpool. Il-kowċ Ġermaniż qal li hu ilu fil-futbol għal aktar minn 30 sena u huwa kapaċi jagħmel distinzzjoni bejn il-ħajja personali u dik professjonali u qal li l-mewt ta’ ommu ma ħallietx effett fuq ix-xogħol tiegħu bħala kowċ minkejja li kienu ġimgħat diffiċli.

Nhar is-Sibt Liverpool sofrew it-tielet telfa konsekuttiva fil-Premier League meta kienu megħluba 3-1 minn Leicester City, biċ-champions tal-Ingilterra issa jinsabu fir-raba’ post tal-klassifika b’40 punt, tlettax il-punt taħt it-tim fl-ewwel post Manchester City.