Internazzjonali

Myanmar: Id-dimostranti qed jissugraw il-ħabs għal 20 sena…

L-ogħla mexxejja tal-militar li reġa’ ħataf il-kontroll tal-pajjiż wissew lin-nies li qed jipprotestaw kontra l-kolp ta’ stat li jistgħu jeħlu sa 20 sena priġunerija jekk jippersistu ‘bit-tfixkil għall-qawwiet armati li qed jaqdu dmirijiethom’,

Stqarrija tal-Armata wissiet ukoll li ‘sentenzi twal ta’ ħabs u multi se jkunu applikati għal kulmin jinċita l-mibgħeda u disprezz lejn il-protagonisti wara dan  il-kolp ta’ stat’.

Dawn il-bidliet legali tħabbru fost il-preżenza ġdida ta’ vetturi armati fit-toroq ta’ diversi bliet ewlenin fi Myanar. Fl-aħħar sigħat, intant, id-dimostranti komplew jinsistu biex il-Mexxejja eletta ta’ Myanmar, Aung San Suu Kyi, tinħeles mill-arrest — kif ukoll għar-restawr tad-demokrazija fi Myanmar.

Minbarra Suu Kyi, qed jinżammu wkoll taħt arrest mexxejja oħra li kienu eletti bil-mezzi demokratiċi. Sadanittant, l-avukat ta’ Suu Kyi qal li hi għandha tinżamm taħt arrest sakemm, nhar l-Erbgħa, tgħaddi minn proċess tal-qorti, permezz ta’ video-link mill-kapitali Nay Pyi Taw. Dan wara xi rapporti inizjali li d-detenzjoni ta’ Suu Kyi ‘kienet se tintemm fil-bidu tal-ġimgħa’.