Nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Frar, il-Knisja tagħti bidu għar-Randan Imqaddes: 40 jum ta’ talb u penitenza bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tal-Passjoni, il-Mewt u l-Qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu.
L-Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra l-quddiesa ta’ Ras ir-Randan fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni (Sarria) fil-Furjana, li tinkludi t-tberik u t-tqegħid tal-irmied. Il-quddiesa tibda fid-9:30a.m.

Fil-messaġġ tiegħu għar-Randan ta’ din is-sena, il-Papa Franġisku jistieden
lill-Kattoliċi sabiex jagħmlu mixja ta’ konverżjoni u jħaddnu tliet virtujiet importanti: li jemmnu, jittamaw u jħobbu.
Fi kliem il-Papa, “ir-Randan hu żmien biex nemmnu, jew aħjar biex nilqgħu lil Alla f’ħajjitna”.
Għaldaqstant, is-sawm jgħinna neħilsu mit-toqol tal-ħajja u nħallu lill-Mulej jgħammar fina. Fil-kuntest attwali ta’ tħassib u inċertezza li ninsabu fih minħabba l-pandemija, il-Papa Franġisku jenfasizza li “ż-żmien tar-Randan
hu magħmul biex nittamaw,” u għalhekk għandna “nkunu iżjed attenti biex inlissnu ‘kelmiet ta’ inkuraġġiment, li jfarrġu, li jqawwu, li jikkunslaw, li jħeġġu, flok kelmiet li jumiljaw, li jnikktu, li jdejqu, li jmaqdru’”. Il-Papa jisħaq ukoll li matul ir-Randan il-Kattoliċi għandhom jagħmlu karità u jieħdu ħsieb lil dawk li jinsabu “f’qagħda ta’ tbatija, telqa jew biża’ minħabba l-pandemija tal-COVID-19”.
Matul iż-żmien tar-Randan, il-Knisja tħeġġeġ lill-Insara biex jaqraw il-Kelma ta’ Alla, jieħdu sehem fis-sagramenti u jattendu l-eżerċizzi spiritwali. Il-Knisja tfakkar ukoll li f’Ras ir-Randan u nhar il-Ġimgħa l-Kbira, kull min għalaq it-18-il sena u għadu ma daħalx fis-60 sena u mhux skużat minn xi raġuni serja, għandu d-dmir li jsum, waqt li kull min għalaq l-14-il sena għandu l-obbligu jastjeni milli jiekol laħam jew ikel ieħor li jogħġbu ħafna. Filwaqt li tinkuraġġixxi l-penitenza fi żmien ir-Randan, il-Knisja tixtieq tfakkar li fost il-jiem u ż-żminijiet tal-penitenza hemm il-jum tal-Ġimgħa matul is-sena kollha.
//= $special ?>