Lokali

Robert Abela mċanfar mill- Konfederazzjoni Ewropea tal-Pulizija għan-nuqqas ta’ djalogu soċjali mal-MPA

Il-Konfederazzjoni Ewropea tal-Pulizija tat ċanfira lill-Gvern Malti għan-nuqqas ta’ djalogu soċjali mal-Assoċjazzjoni tal-Pulizija ta’ pajjiżna.

Permezz ta’ ittra lill-Prim Ministru Malti, il-President tal-Konfederezzjoni Ewropea, Calum Steele talab lill-Gvern ta’ Robert Abela sabiex jaċċerta ruħu li jżomm mal-livelli bażiċi ta’ djalogu soċjali billi jinvolvi lill-Assoċjazzjoni tal-Pulizija fid-diskussjonijiet, fl-interess tal-pajjiż, tas-servizz tal-Korp u tal-uffiċjali tal-Pulizija nfushom.

Il-EuroCOP qalet li tinsab infurmata b’sitwazzjonijiet fejn id-djalogu soċjali mal-MPA qiegħed sempliċiment jinqabeż, filwaqt li l-Gvern Malti u l-Kummissarju tal-Pulizija qed jieħdu deċiżjonijiet li se jħallu impatt  fit-tul  fuq il-pożizzjoni soċjo-ekonomiku tal-uffiċjali tal-Pulizija. Dan mingħajr ma qed isir djalogu soċjali mal-MPA.

EuroCOP qalet li dan hu bi ksur ta’ proċeduri stabbiliti fejn jidħol it-teħid ta’ deċiżjonijiet, u fakkret lill-Prim Ministru li l-Unjoni Ewropea tul is-snin għamlet żviluppi fid-djalogui soċjali. L-organizzazzjoni qalet li ma tista’ qatt tapprova żviluppi li jidhru li huma attentat ċar u konxju biex ikunu esklużi msieħba soċjali billi jkun evitat id-djalogu soċjali.

Il-President tal-Konfederazzjoni temm jgħid lil Robert Abela li qed jistenna li l-Gvern Malti jikkommetti ruħu b’mod serju li jinvolvi lill-MPA qabel jieħu deċiżjonijiet li jolqtu direttament lill-uffiċjali tal-Pulizija.