Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li biegħ munizzjon

Raġel ta’ 47 sena residenti Baħar iċ-Ċagħaq ġie kundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sena wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li biegħ munizzjon ta’ ‘hand gun’ lil persuna oħra meta ma kellux liċenzja.

Ir-raġel li ismu ma jistax jissemma fuq ordni tal-Qorti minħabba li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fuq il-każ ammetta li ltaqa’ ma’ persuna magħrufa mal-Pulizija ġewwa Ħal-Qormi li xtrat mingħandu żewġ kaxxi ‘pellets’.

L-Ispettur Shawn Pawney qal fil-Qorti li nhar il-Ġimgħa għall-ħabta tat-3.00pm. il-Pulizija kellha nformazzjoni li kien se jsir dan il-bejgħ. Hemm ġiet intraċċata karozza misjuqa mill-akkużat, u meta saret l-investigazzjoni għal xi raġuni l-iskambju ta’ munizzjon ma seħħx.

Madankollu rriżulta li dan il-bejgħ sar aktar tard matul il-ġurnata u l-imputat stess ikkonferma li kienet saret it-tranżazzjoni. Pawney qal li l-akkużat għandu l-liċenzja tax-‘shooting range’ imma mhux li jbiegħ il-munizzjon.

Tenna li s-sentenza f’dan il-każ hija ta’ bejn is-sitt xhur u l-ħames snin ħabs, madankollu ma kienx qed jinsisti dwar piena ta’ ħabs effettiv u dan peress li l-ħati kkopera mal-Pulizija u li għandu l-fedina penali nadifa. L-Avukat Mariah Mula deheret għall-akkużat.