Lokali Qorti

Sitt xhur ħabs fuq passaport falz

Somalu ta’ 19-il sena ġie kkundannat sitt xhur ħabs wara li ammetta li fit-12 ta’ Frar li għadda u fil-ġranet ta’ qabel kellu fil-pusses tiegħu passaport falz maħruġ fuq isem ħaddieħor. Irriżulta li Ubrahim Ahmed, residenti fil-villaġġ ta’ Ħal-Far, kellu passaport Malti maħruġ f’isem Jaylami Abdule Mohamed.

Huwa ammetta wkoll quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri li pprova jagħmel użu minn passaport u li ta tagħrif jew dikjarazzjoni falza lill-Pulizija.

Għall-finijiet ta’ piena, il-Qorti kkunsidrat in-natura tar-reati u l-ammissjoni tiegħu fi stadju bikri tal-proċeduri, u l-kooperazzjoni tiegħu mal-Pulizija. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Lara Butters mill-Uffiċċju Prinċipali tal-Immigrazzjoni.