Internazzjonali

Spanja: Is-separatisti jżidu l-maġġoranza fil-Parlament ta’ Katalunja

Il-partiti separatisti f’Katalunja żiedu l-maġġoranza parlamentari skont ir-riżultati tal-elezzjonijiet reġjonali li saru fid-dell tal-pandemija tal-coronavirus.

Il-Fergħa Katalana tal-Partit Soċjalista fil-Gvern — li tiffavorixxi Spanja magħquda u li l-Kap tagħha hu l-eks Ministru tas-Saħħa Spanjol, Salvador Illa — rebħet l-akbar numru ta’ voti, iżda għandha ssibha diffiċli biex tifforma Gvern.

Wara li laħqu għaddew 99 fil-mija tal-voti – it-tliet partiti li qed jaħdmu lejn is-separazzjoni ta’ Katalunja minn Spanja, żiedu s-siġġijiet fil-Parlament reġjonali ta’ 135 membru minn 70 għal 74.

Jidher, intant, li l-partiti separatisti mill-ġdid għandhom is-siġġijiet biex jiffurmaw maġġoranza fl-assemblea u fil-jiem jmiss mistennija n-negozjati dwar it-tfassil tal-Gvern reġjonali l-ġdid.

Il-Partit Repubblikan tax-Xellug ta’ Katalunja (l-ERC, li hu fost is-separatisti) hu kważi ċert li jikseb 33 siġġu u meta l-Kap tiegħu, Pere Aragones, hu l-favorit li jsir il-mexxej ġdid ta’ Katalunja.