Lokali Qorti

Tinżamm arrestata fuq pussess aggravat ta’ kokaina

Mara ta’ 48 sena minn Santa Lucia inżammet taħt arrest preventiv wara li ġiet mixlija b’pusses ta’ 47 qartas kokaina f’ċirkostanzi li juru li ma kinitx għall-użu esklussiv tagħha, liema droga nstabet fir-residenza tagħha.

Sandra Schieda ġiet mixlija quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras li nhar is-Sibt li għadda u fil-ġimgħat ta’ qabel kellha fil-pusses tagħha l-imsemmija kokaina kif ukoll qartas bid-droga kannabis, borża u bott bil-powder tal-kreatina. Hija ġiet mixlija wkoll li kkommettiet dawn ir-reati f’distanza ta’ 100 metru minn grawnd tal-futbol ta’ Santa Luċia FC.

L-Ispettur Alfredo Mangon li ressaq lil mara qal li l-Pulizija mill-Iskwadra ta’ kontra d-Droga daħlitlha nformazzjoni li kienet qed issir attività ta’ droga f’residenza Santa Luċia u hemm instabet id-droga msemmija.

L-Avukat Franco Debono staqsa lill-Ispettur Mangion biex jispjega l-aggravju tal-akkuża tad-distanza ta’ 100 metru minn skola jew post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ bit-tweġiba tkun li Schieda toqgħod viċin il-grawnd.

L-Avukat Debono filwaqt li qal li l-klijenta tiegħu m’għandhiex l-akkuża ta’ traffikar u li għandha kondotta netta fid-dawl li huwa għamel talba għal libertà proviżorja kkwota digriet li kien ta l-Imħallef Aaron Bugeja fit-8 ta’ Ottubru 2020 fil-każ kontra Gilbert Busuttil.

Huwa qal ukoll li din ma marritx viċin post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ iżda nzerta li d-dar tagħha tinsab fejn il-grawnd u għalhekk jekk wieħed jieħu din il-kunsiderazzjoni allura l-mara tkun qed tiġi diskriminata. Tenna li skont il-liġi din flok persuna tmur il-ħabs tista’ tmur għal trattament

Il-Prosekuzzjoni opponiet bil-qawwa kollha t-talba għal libertà proviżorja minn naħa tad-difiża minħabba li għadhom għaddejjin l-invesigazzjonijiet u li dawn għad iridju jiġu mitkellma.

L-Avukat Debono dwar dan qal li għalhekk jeżisti l-Police Bail u qal ukoll li jekk wieħed jikser xi kundizzjoni tal-libertà proviżorja jintilfu d-depożitu u l-garanzija personali u l-imputata terġa’ tiġi arrestata.

Il-Qorti qalet li minħabba l-fatt li għadhom għaddejjin l-investigazzjonijiet fuq dan il-każ, f’dan l-istadju kienet qed tiċħad it-talba iżda talbet lill-Prosekuzzjoni biex taqgħlaq l-investigazzjonijiet tal-każ malajr kemm jista’ jkun.